F’dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ħa ħsieb is-saħħa tal-poplu u kif ukoll l-edukazzjoni tal-ulied kollha.
Fis-settur edukattiv, il-Gvern ta’ Robert Abela investa fi skejjel ġodda u innovattivi, waqt li wkoll immodernizza skejjel oħrajn madwar il-pajjiż.
Fost l-oħrajn, fl-Imsida nfetħet skola ġdida, li hi l-ewwel waħda ħielsa mill-karbonju, waqt li fin-Nadur sar tisbiħ estensiv tal-binja storika tal-Iskola Primarja u ġiet inawgurata anke mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, hekk kif il-proġett infrastrutturali kbir sar mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza Ewropew.
Iżjed minn hekk, Gvern Laburista investa wkoll fl-iskejjel tar-Rabat, Għawdex, f’Ħal Għaxaq u r-Rabat, Malta.
Apparti ż-żieda fl-istipendji, sena wara sena, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħti €1,500 fuq tliet snin lill-ġenituri tal-istudenti kollha li jkomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja.
Il-Gvern ukoll qed jisma’ l-opinjonijiet taż-żgħażagħ dwar diversi temi kurrenti permezz tal-Youth Advisory Forum, li ħoloq hu stess.
Settur ieħor kruċjali li, fl-aħħar ħames snin, ra investiment kbir mill-Gvern Laburista kien dak tas-saħħa, minkejja l-isfida tal-pandemija globali.
Minbarra l-investiment fl-Isptar Mater Dei, saru bosta investimenti fil-komunità, bħar-rinnovar ta’ ċentri tas-saħħa fil-Gżira u Ħal Qormi. Dan apparti numru ta’ bereġ li nfetħu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Dwar il-qasam tas-saħħa mentali, il-Gvern investa f’ċentri fil-komunità biex pazjenti jingħataw aktar servizzi qrib tagħho, minflok mill-Isptar Monte Karmeli.
Dan filwaqt li tnieda s-servizz tal-helpline 1579 għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, li jopera 24 siegħa kuljum.
Waqt li nbeda x-xogħol fuq il-proġett tal-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, fl-isptar attwali ġew inawgurati MRI għall-ewwel darba u CT Scanner ġdid, ilkoll tal-ogħla kwalità. Dan qed iwassal biex l-Għawdxin ma jkollhomx bżonn iżjed jinżlu Malta għal appuntamenti mediċi li jeħtieġu dawn l-apparati.
F’pandemija, il-Gvern laħaq il-bilanċ importanti bejn is-saħħa u l-ekonomija. Bil-Gvern Malti ħadem fil-fora internazzjonali biex il-vaċċin jitqassam għand kull stat membru u hekk ġara l-għada tal-Milied tal-2020, meta waslu l-ewwel dożi tal-vaċċin għal kontra l-COVID-19.
Minn hawn ’il quddiem, saret kampanja ta’ tilqim, b’Malta kienet minn ta’ quddiem fid-dinja għal dan il-għan. Bi klassijiet tal-Università u postijiet oħrajn jinqalbu fi kliniċi biex jingħata t-tilqim fuq livell nazzjonali.
F’Lulju tal-2020, il-Gvern ta’ Robert Abela rnexxielu jinnegozja l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej għas-snin 2021 u 2027. Hawnhekk Gvern Laburista ġab id-doppju ta’ dak li kien irnexxielu jġib Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.
Dan il-pakkett qawwi kien jinkludi fih il-Pjan lokali ta’ Rkupru u Reżiljenza approvat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, meta kienet fostna f’Settembru tal-2021.
F’konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru Robert Abela, Von der Leyen fissret il-pjan Malti bħala l-aktar ħabib tal-ambjent.
Ħames snin ta’ Robert Abela. Ħames snin li ħasbu fl-edukazzjoni u s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.