Waħda mill-prijoritajiet ta’ Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, hi dik ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar, fosthom bi spazji miftuħa viċin ir-residenzi fejn jgħixu n-nies.
Il-Gvern ta’ Robert Abela biddel spazji, li kienu anke jintużaw bħala miżbliet, għal postijiet li jitgawdew mill-familji bl-aktar mod sigur u san. F’Malta Wied Fulija u f’Għawdex il-Qortin.
Tant kemm l-ambjent hu ta’ prijorità għall-Gvern ta’ Robert Abela, fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ wiegħed numru ta’ spazji miftuħa b’investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin.
Għal dan il-għan ġiet ukoll imnedija l-aġenzija Project Green.
Dan wassal biex fl-aħħar snin infetħu bosta proġetti ambjentali, fosthom dawk tal-Park tal-Glażiż fil-Kottonera, Wied Inċita f’Ħ’Attard, Bengħajsa f’Birżebbuġa u Ġnien Spencer fil-Marsa, fost oħrajn.
U erba’ artijiet li jinsabu f’żona ta’ żvilupp f’San Ġiljan, Ħal Luqa, Ħal Lija u Ħal Kirkop se jinbidlu fi spazji ħodor.
Ma’ dan, Gvern Laburista żied il-protezzjoni ambjentali f’Ħondoq ir-Rummien, f’Bulebel u ż-Żonqor, f’Wied il-Għajn.
Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ħa miżuri wkoll sostenibbli. Fost dawk l-ewlenin hemm dak tax-Shore-to-Ship, li qed inaqqas 90% tat-tniġġis mill-bastimenti fil-Port il-Kbir. Dan hekk kif il-bastimenti jitfu l-magni u l-generators meta jkunu sorġuti u dan qed iwassal bħal titjib konsiderevoli fil-kwalità tal-arja għal madwar 17,000 familja li jgħixu madwar il-port.
Miżura oħra favur is-sostenibilità hi dik tal-ferries b’xejn bejn il-Belt Valletta, il-Kottonera u Tas-Sliema, għal dawk li jużaw it-Tallinja Card, li wkoll tħabbar li se jkun qed jiġi estiż għal Buġibba mis-sajf li ġej.
Taħt il-Gvern ta’ Robert Abela għaddej ukoll ix-xogħol fuq it-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija, li se jitlesta sas-sena d-dieħla. Ftit tal-jiem ilu, tħabbar li l-permessi ġew approvati wkoll mill-awtoritajiet Taljani.
Dan filwaqt li l-Gvern nieda sejħa pubblika bil-għan li pajjiżna jiżviluppa l-ewwel proġett fuq il-baħar t’enerġija rinnovabbli mir-riħ fiż-Żona Esklussiva Ekonomika, tnax-il mil nawtiku ’l barra mix-xatt Malti.
Fis-settur tal-enerġija, il-Gvern ta’ Robert Abela saħħaħ u qed isaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl b’investiment multi-miljunarju.
Fil-fora internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela waqt il-laqgħa tal-Ġnus Maqgħuda dwar it-Tibdil fil-Klima, ħabbar l-inizjattiva ‘Island for Islands’ biex tgħin stati żgħar, bħal Malta, jindirizzaw sfidi marbutin mat-tibdil fil-klima.
Dan filwaqt li f’Malta tnediet il-Climate Action Authority, awtorità li tara li l-interessi ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima jiġu mħarsa u mismugħa.
Ħames snin ta’ Robert Abela. Ħames snin ta’ deċiżjonijiet għal aktar spazji miftuħa u għal aktar enerġija nadifa.