Bħal-lum ħames snin saret l-ewwel elezzjoni ġenerali b’Joseph Muscat Mexxej tal-Partit Laburista.
Kuntrarju għal dak li kien qal Lawrence Gonzi ftit tal-jiem qabel, kienu dawk li għażlu l-bidla li ċċelebraw.
Il-kampanja elettorali kienet skattat fis-7 ta’ Jannar, ftit wara li l-Gvern ta’ Gonzi kien waqgħa b’vot ta’ sfiduċja, u wara disa’ ġimgħat ta’ laqgħat, attivitajiet u mass meetings, il-poplu kien għażel b’saħħa lil Malta Tagħna Lkoll, fejn l-opportunitajiet ikunu għall-ħafna mhux għall-ftit.
Mill-mument li fih tħabbret ir-rebħa storika, Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, xammar il-kmiem, beda jaħdem u qatt ma kaxkar saqajh.
Minn dakinhar ’l hawn pajjiżna mbarka fuq bidliet kbar, li ħafna minnhom spikkaw tul is-snin għax kienu tal-ewwel.
L-ewwel darba li f’pajjiżna daħal iċ-childcare b’xejn, dħul ta’ liġijiet favur governanza tajba, żieda fil-pensjonijiet wara ħafna snin, u l-ewwel darba li nies LGBTIQ ingħataw drittijiet li qajla kienu jemmnu li minn ħolm setgħu jsiru realtà.
Dak ta’ Joseph Muscat huwa wkoll Gvern li qed iżomm il-wegħdiet tiegħu. Bħall-ħlas lura ta’ taxxa żejda mħallsa fuq il-karozzi, ir-roħs tal-kontijiet tal-enerġija, u t-tlestija tal-proġett tal-junction tal-Kappara.
U għax inbidlet id-direzzjoni, il-qgħad niżel minn 8,000 għall-aktar livell baxx fl-istorja ta’ madwar 2,000 ruħ. Fl-istess waqt ir-rata ta’ nies jaħdmu qabżet għall-ewwel darba l-200,000 elf.
Dan flimkien mal-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea ta’ 6.6%, rekord wara l-ieħor ta’ turisti li jżuru pajjiżna li qabżu 2,000,000 turist f’sena, u b’linja nazzjonalista tal-arju li minn kumpanija falluta qed taspira li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran. Dan wara li l-Gvern wettaq riforma kbira fl-Enemalta li minn korporazzjoni li kienet mażżra ma għonq il-pajjiż, illum qed tagħmel il-qligħ.
Fl-istess waqt pajjiż li qed jimraħ f’oqsma ekonomiċi ġodda biex jilqa’ għall-isfidi u joffri aktar opportunitajiet ta’ xogħol ġodda għaż-żgħażagħ Maltin. Żgħażagħ li issa minn ta’ sittax-il sena jistgħu jivvotaw f’kull elezzjoni.
Dan kollu qed isir possibbli taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat; li l-legat tal-Gvern tiegħu se jibqa’ mnaqqax fl-istorja bħala Gvern li jimplimenta dak li jemmen fih.