Raġel ta’ erbgħin sena mill-Ħamrun ingħata sentenza ta’ ħames snin priġunerija effettiva wara li nstab ħati li ħa l-benefiċji soċjali t’ommu biex jixtri d-droga.
Huwa mixli wkoll li beżża’ lil ommu sabiex tagħtih il-flus, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq kawża oħra.
F’Novembru tal-elfejn tnejn u għoxrin, omm l-imputat għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, fejn qalet li binha qed jheddidha, li jekk ma tagħtihx flus għad-droga, se jsawwatha.
Instema’ wkoll kif dakinhar kien anka qalilha li mejjet biex joqtolha.
Fil-Qorti, l-omm kienet qalet li kienet ilha tgħix b’dan il-mod għal tliet snin, u ma kinitx tmur tagħmel ċertifikati mediċi għall-ġrieħi li kien jagħmillha.
Instema’ wkoll kif saħħitha kienet marret lura minħabba l-inkwiet ta’ kuljum li kien ikollha ma’ binha.
Il-Qorti semgħet kif l-omm kellha x-xewqa li binha jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni biex itejjeb ħajtu, u li minkejja kellu numru ta’ opportunitajiet biex ibiddel ħajtu għall-aħjar, huwa ma tgħallem xejn.
Għalhekk, il-Maġistrat Mars-Ann Farrugia sabitu ħati tal-akkużi tiegħu.