Din is-sena l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tiċċelebra l-ħames snin mit-twaqqif tagħha, bħala parti mil-legat tal-Valletta 2018, is-sena li fiha kienet il-Belt Kulturali Ewropea.
F’konferenza tal-aħbarijiet, li saret l-Erbgħa u preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tħabbru numru ta’ attivitajiet li se jsiru mill-istess aġenzija għall-kumplament ta’ din is-sena.
Fost dawn hemm kunċert, li se jfakkar lil Ray Mahoney aktar tard dan ix-xahar, u l-Valletta Green Festival, li se jsir ix-xahar id-dieħel fejn Pjazza San Ġorġ terġa’ tinbidel fi ġnien mill-isbaħ għat-tgawdija tal-pubbliku.
Fit-tnejn u għoxrin ta’ Ġunju se jirritorna għall-ħames darba l-Valletta Pagaent of the Seas, waqt li f’Awwissu se jsir l-avveniment Opera in the Capital.
F’Ottubru se jerġa’ jsir il-Valletta Local Food Festival u, f’Diċembru, il-Belt tilbes il-libsa tal-Milied u ċ-ċelebrazzjonijiet popolari ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ.
Iċ-Chairman tal-VCA, Jason Micallef, tenna li l-aġenzija hi kburija li għandha rwol kruċjali fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.
“Fl-aħħar ħames snin, il-kapitali ta’ pajjiżna rat fost l-aqwa avvenimenti fuq skala nazzjonali u anke internazzjonali, li ħloqna u organizzajna permezz tal-ħaddiema tal-aġenzija u naturalment dan jawgura għas-snin li ġejjin ħalli fil-kapitali tagħna, fil-Belt Valletta, ir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tibqa’ għaddejja u tibqa’ fis-seħħ.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Catherine Tabone, spjegat kif il-programm kulturali tal-aġenzija jvarja minn esebizzjonijiet ta’ arti, kunċerti ta’ daqs kbir u medju u avvenimenti oħrajn għall-familja kollha.
“L-aġenzija kompliet għaddejja bid-diversi avvenimenti f’din il-Belt kapitali Maltija u nistgħu ngħidu li kompliet tirriġenera soċjalment, ekonomikament u kulturalment il-Belt kapitali.”
Il-Ministru Bonnici sostna li dan il-programm kulturali juri bil-fatti kemm il-Gvern qed jimbotta l-prodott u l-identità Maltija f’kull okkażjoni.