Kien is-16 ta’ Ottubru tal-2017 meta ġiet detonata bomba li kienet tpoġġiet fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-bomba splodiet ftit wara li kienet telqet mid-dar tagħha fil-Bidnija.
Minnufih, bdiet ħidma intensiva mill-Pulizija Maltija, li ngħatat ir-riżorsi kollha li kellhom bżonn, inkluża għajnuna minn esperti internazzjonali bħall-FBI u mill-Interpol, sabiex jinqabdu dawk li kienu wara dan id-delitt.
Fl-4 ta’ Diċembru tal-2017, f’operazzjoni kumplessa li twettqet fil-Marsa, f’Ħaż Żebbuġ u f’Buġibba mill-Forzi Armati u l-Pulizija, ġew arrestati dawk li issa ammettew fil-Qorti li, fil-fatt, kienu l-eżekuturi tal-qtil.
Seba’ ġimgħat wara li kien seħħ il-qtil, il-Pulizija ressqet il-Qorti tliet irġiel u akkużathom bil-qtil. Dawn kienu l-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufin bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż rispettivament, u Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li, dakinhar li seħħ id-delitt, Alfred Degiorgio kien stazzjonat flimkien ma’ Vince Muscat il-Bidnija. Fil-mument opportun, huwa ċempel lil ħuh George, li kien fuq cabin cruiser fil-Port il-Kbir. Dan, min-naħa tiegħu, bagħat l-SMS lill-bomba li kienet tpoġġiet fil-karozza ta’ Caruana Galizia biex splodiha.
Sadattant, fl-20 ta’ Novembru 2019, ftit ’il barra minn Pembroke, il-Forzi Armati waqqfu l-jott tan-negozjant Yorgen Fenech milli jħalli pajjiżna għal ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu u arrestatu. Eventwalment, huwa ġie mixli li kien hu li ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u qed jistenna li jgħaddi ġuri.
Intant, hekk kif issokta l-proċess biex issir ġustizzja, fi Frar tal-2021 Vince Muscat ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs wara li wieġeb li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih b’rabta mal-assassinju.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, imbagħad, George u Alfred Degiorgio wkoll ammettew il-ħtija tagħhom u ntbagħtu 40 sena ħabs wara ġuri ta’ ġurnata.
Barra minn hekk, Robert Agius u Jamie Vella jinsabu akkużati li fornew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia.
Hekk kif kompliet issir ġustizzja ma’ Malta u mal-familja Caruana Galizia, matul dawn il-ħames snin il-Gvern kompla għaddej bir-riformi li kien beda sa minn meta ġie fdat bit-tmexxija tal-pajjiż sabiex ikomplu jissaħħu l-Istat tad-Dritt, id-demokrazija, u l-governanza tajba f’pajjiżna – riformi li ma kinux saru taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti.
Dan il-proċess inkluda riforma f’kif isiru l-ħatriet tal-ġudikatura, tal-Kummissarju tal-Pulizija, u tal-Ombudsman. Inqasmu wkoll l-irwoli tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat. Issaħħet ukoll il-Financial Intelligence Analysis Unit (l-FAIU), li tinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus, sar xogħol kbir biex tissaħħaħ il-protezzjoni lill-ġurnalisti.
F’intervista ppubbikata fis-Sunday Times, il-Prim Ministru Robert Abela għamilha ċara li l-proċess ta’ riforma jrid ikompli u se jkompli. Sostna li mhu se jkun hemm l-ebda immunità jew impunità għal ħadd. Esprima wkoll id-determinazzjoni tal-Gvern li nibqgħu nitgħallmu l-lezzjonijiet minn dak li ġara, u dan irid isir mhux biss billi jiġu emendati l-liġijiet sabiex il-ġurnalisti jiġu protetti aktar, imma wkoll billi jinbidlu l-attitudnijiet.