Bħal-lum ħames snin, fit-tnax ta’ Lulju tal-2017, mill-Parlament ta’ Malta għaddiet il-liġi taż-żwieġ indaqs.
F’ħames snin, skont ċifri ppubblikati mill-Ministeru responsabbli għall-Ugwaljanza, kien hemm mitejn ħamsa u sebgħin (275) żwieġ ċivili bejn koppji tal-istess sess.
Fl-2017 kien hemm seba’ żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess, filwaqt li fl-2018 in-numru tela’ għal 85.
L-aktar numru ta’ żwieġijiet li sar f’pajjiżna kien fl-2019, hekk kif iżżewġu 81 koppja tal-istess sess.
Fl-2020 żżewġu disgħa u tletin koppja u s-sena l-oħra saru wieħed u ħamsin ċerimonja ta’ żwieġ ċivili.
Skont dawn iċ-ċifri, sal-bidu ta’ Ġunju ta’ din is-sena saru tnejn u tletin ċerimonja taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.
Apparti minn hekk, fl-aħħar ħames snin, kien hemm 21 każ ta’ separazzjoni, waqt li tnax-il koppja ddivorzjaw.
L-istatistika turi li, minn dawn iż-żwiġijiet fl-aħħar ħames snin, għaxra minnhom saru f’Għawdex
ONE News tkellem mal-Kofundatur tal-Allied Rainbow Communities, Nicholas Bugeja, li qalilna li f’ħames snin ra progress pożittiv fil-mentalità fejn jidħlu ż-żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess.
Qal, “Is-soċjetà, bir-riżultat ta’ dawn il-liġijet li jiġu introdotti, tiġi aktar normalizzata l-fatt li int tkun gay. Il-fatt li qed naraw aktar żwieġ bejn koppji tal-istess sess u anke għall-fatt li llum hawn ġenituri li huma gay li qed jieħdu t-tfal l-iskola, il-ġenerazzjoni ta’ dawk it-tfal, il-fatt li qed jaraw ġenituri tal-istess sess, tiġi aktar normalizzata u nisperaw li anke l-istigma tonqos.”
Nicholas Bugeja qal ukoll li l-ħidma għaddejja ġmielha sabiex is-sena d-dieħla Malta tilqa’ l-EuroPride fil-Belt Valletta.