Ħames snin ilu Jacob Cachia kien qiegħed l-ITU jissielet għal ħajtu iżda llum, wara li rkupra, qed iwassal il-ħobż u l-kafe’ lill-qraba ta’ persuni li jinsabu fl-ITU li qed jistennew fil-waiting room. Wara episodji xejn faċli, Jacob ħareġ bħala rebbieħ u l-akbar xewqa tiegħu kienet li jkollu negozju tiegħu – b’mod partikolari li jiftaħ kafetterija. Illum il-ġurnata, Jacob għandu kafetterija tiegħu personali li fetaħ f’Marsaskala bl-isem ta’ Jacob’s Brew u li permezz ta’ fondi li jirnexxilu jiġbor hu jgħin lil persuni li għaddejjin minn esperjenzi simili.
L-inizjattiva Jacob’s Coffee Run, li għaliha Jacob kien qed jiġbor il-fondi, ħadet il-ħajja proprju lbieraħ hekk kif għall-ewwel darba Jacob wassal il-ħobż u l-kafe’ lill-qraba li kienu qed jistennew barra lil xi membru tal-familja li jinsab l-ITU.
Iżda apparti l-ikel u x-xarba sħuna, Jacob kien lest joffri widen u kif ukoll parir għal min qed jgħaddi mill-istess esperjenza li għadda hu ftit tas-snin ilu.