Żagħżugħ ta’ tnejn u għoxrin sena ngħata sentenza ta’ ħames snin ħabs talli tliet snin ilu kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tifla, li dak iż-żmien kellha tnax-il sena.
Iż-żagħżugħ ġie akkużat li f’Awwissu tal-elfejn u wieħed u għoxrin, ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni f’Wied il-Għajn.
Meta l-akkużat ġie interrogat mill-Pulizija, ammetta li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tifla, u qal li dan seħħ meta kienu qed jaraw it-televixin flimkien fuq is-sodda, flimkien mal-ġuvni li kienet qed toħroġ miegħu t-tifla.
It-tfajla, li llum għandha ħmistax-il sena, qalet li hi u l-eks għarus tagħha marru d-dar tal-imputat u bdiet titkellem miegħu fuq is-sess.
Fl-istess episodju, iż-żagħżugħ uriha ritratti tiegħu bla ħwejjeġ.
Il-Qorti qalet li t-tifla instigat liż-żagħżugħ biex jagħmel dak li ġie akkużat bih meta poġġietlu jdejh fuq il-parti tagħha, imma rrimarkat ukoll li missu rrikonoxxa u rrealizza li t-tifla kienet għadha taħt l-età.
Għaldaqstant, iż-żagħżugħ instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sentenza ta’ ħames snin priġunerija.
Isem l-akkużat tniżżel ukoll fir-Reġistru tal-Pedofelija, fejn hemm imniżża n-nies li jkunu nstabu ħatja b’abbuż sesswali fuq it-tfal.