Srdan Simic ta’ 24 sena mis-Serbja ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li f’April tas-sena li għaddiet darab gravi lil Ryan Magro ta’ 30 sena f’wiċċu bi flixkun tal-ħġieġ f’ħanut tax-xorb tal-familja tiegħu fil-Qawra. Konsegwenza ta’ dan l-inċident Magro ġarrab ġrieħi permanenti f’għajnu x-xellugija.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-ewwel u t-tieni ta’ April tas-sena li għaddiet fil-Munchies Bar f’San Pawl il-Baħar meta l-akkużat darab gravi lil Magro f’għajnejh.
It-tabib David Agius xehed fil-qorti li meta eżamina lil Magro dakinhar li ddaħħal l-isptar, sablu bosta ġrieħi f’wiċċu u f’għajnejh u kellu vista batuta minn għajnu x-xellugija. Qal li meta eżaminalu għajnu sab li kien hemm emoreġija fuq in-naħa ta’ barra tal-għajn. Huwa kklassifika dawn il-ġrieħ bħala gravi.
L-espert tal-qorti sab li l-vittma kien aggredit bi flixkun fuq in-naħa tax-xellug li laqtitu f’għajnu. Xehed li Magro kellu qasma ta’ bejn żewġ u tliet millimetri ġol-għajn. Qal li wara li t-tobba neħħewlu biċċa ħġieġa minn ġol-għajn, il-pazjent intbagħat barra l-Ingilterra biex jarawh speċjalisti barranin li qablu li jħallulu biċċa ħġieġa ġol-għajn. Huwa xehed ukoll li l-vittma jista’ jkollu aktar problemi fil-futur minħabba l-ġrieħi li ġarrab.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li l-Qorti m’għandha l-ebda dubju li l-akkużat ta daqqa lill-vittma u kkaġunalu diżabilità permanenti f’waħda mill-għajnejn.
Il-Maġistrat Mifsud ikkundannat lis-Serb ħames snin ħabs u waqt li ordnalu jħallas l-ispejjeż tal-qorti, ordnat lill-Uffiċjal Ewlieni tal-Immigrazzjoni biex hekk kif il-ħati jiskonta s-sentenza ta’ ħabs, jibagħtu lura lejn pajjiżi.