Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ ħames snin ħabs fil-konfront ta’ raġel ta’ ħamsa u sittin sena li f’Jannar li għadda nstab ħati li stupra lit-tifla ta’ omm li qiegħda f’relazzjoni ma’ ibnu.
Fil-qorti ngħad li t-tifla kienet issejjaħ lill-akkużat bħala ‘nannu’. Żied jingħad li r-raġel ikkorrompa lit-tifla fil-vettura tiegħu fl-inħawi ta’ Manoel Island u f’imkejjen oħrajn madwar il-gżejjer Maltin. L-akkużat li għandu l-problema tal-vizzju tax-xorb kien ikun xurban fil-ħin li kien ikollu x’jaqsam mat-tifla u anke kien jagħtiha xorb alkoħoliku.
Il-qorti tal-appell ippreseduta mill-imħallef Edwina Grima, nnotat li t-tifla ngħatat wisq kredibbiltà meta fil-passat kienet diġà għamlet allegazzjonijiet simili fuq ġuvni taħt l-età li rriżultaw li kienu foloz. Madankollu, rat ukoll li bejn il-vittma u l-akkużat kien hemm ċertu kunfidenzi tant li oħt il-vittma ntebħet bihom u li dak il-ħin stess ħasset li kellha tirrapporta dan lil ommha.
Il-Qorti sostniet li l-fatt li r-raġel kien dipendenti għalkollox fuq il-pilloli u jbati minn dipressjoni akuta u kronika u mard ieħor, ma setax jeħilsu mill-akkużi. Dan wara li huwa ma xehedx u ħadd minn dawk li xehdu f’ismu ma kienu miegħu fil-ħinijiet tar-reati.
Il-qorti tal-appell għalhekk ikkonfermat is-sentenza tal-qorti tal-maġistrati u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tiegħu għaddiet rakkomandazzjoni lid-direttur tal-faċilità korrettiva ta’ kordin sabiex il-ħati jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Karmeli filwaqt li jingħata l-kura kollha meħtieġa.