Matthew Camilleri ta’ 39 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs u mmultat €5,000 wara li nstab ħati mill-Qorti li wettaq tliet serqiet f’daqstant jiem u sar riċediv fuq każi simili preċedenti.
Camilleri ġie mixli li, fit-12 ta’ Novembru tal-2020, seraq flus kontanti minn ‘The Convenience Shop’ f’Santa Venera, madwar nofs siegħa wara daħal jisraq minn ‘Ta’ Xmun Confectionery’ f’Birkirkara u, jumejn biss wara, seraq ukoll minn ‘Convenience’ ieħor f’Ħal Balzan.
Ir-raġel instab ħati wkoll li fixkel uffiċjali tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Qorti semgħet kif it-tliet serqiet seħħew bejn wieħed u ieħor bl-istess mod, l-ewwel tidħol mara u titlob xi ħaġa lill-impjegati tal-ħanut biex ikollhom jillargaw minn mal-bank, u raġel liebes beritta u hoodie mbagħad jidħol jisraq mill-cash register.
Ir-raġel kien jilbes beritta partikolari kull darba, li kien, għalhekk, li l-Pulizija għarfuh mill-investigazzjonijiet li saru u Camilleri jiġi identifikat minn filmati tas-sigurtà tal-BOV, fejn kien intalab ineħħiha u jikxef wiċċu.
Il-kompliċi, ċerta Sarah Zammit, ikkonfermat l-involviment tagħha u ta’ Camilleri fis-serqiet.
Wara li ġie rrimarkat li ngħata bosta opportunitajiet mill-Qorti biex jibdel ħajtu u ma wera l-ebda rimors għar-reati li wettaq, Camilleri ġie kkundannat sentenza ta’ ħabs effettiva u ordnat li, jekk ma jħallasx il-multa, din tinbidel ukoll f’sentenza ta’ ħabs.