Aħbar ħażina għal dawk li jorqdu ftit u anke għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu matul il-lejl u matul il-jum ma jiġihomx in-nagħas: Min jorqod ħames sigħat jew inqas ikun qed ibiddel ir-ritmu tat-taħbit tal-qalb.
Dan joħroġ minn studju magħmul mill-Università ta’ Chicago fejn 25 persuna adulta tħallew jorqadu biss ħames siegħat kull 24 siegħa: nofshom kienu jorqdu bil-lejl u n-nofs l-ieħor matul il-jum, bħal ma jagħmlu dawk li jaħdmu bix-xift ta’ bil-lejl.
Ir-riċerkaturi ħadu l-pressjoni u r-rata tat-taħbit tal-qalb u nnutaw il-varjazzjonijiet bejn intervall u ieħor u l-livelli l-livell tal-istress.
Skont ir-riżultati tal-istudju ppublikati fir-rivista influwenti Hypertension, il-pressjoni ma nbidlitx (forsi għax l-intervalli kienu qosra) iżda il-qalb ħabbtet b’mod aktar mgħaġġel.
Il-grupp li raqad matul il-jum wera aktar bidliet sinifikanti: il-livell ta’ stress kien akbar u l-qalb ħabbtet aktar bil-mod matul il-lejl meta kienu mqajjmin għax kienu fuq ix-xogħol.
Ir-riċerkaturi waslu għall-konklużjoni li ħames sigħat irqad mhumiex biżżejjed.
U dawk li jaħdmu bil-lejl? Prof. Daniela Grimaldi tal-Feinberg School of Medicine f’Northwestern University tgħid li dawn għandhom jaraw li jieklu sew, jagħmlu l-eżerċizzju u jorqdu kemm jistgħu biex inqassu kemm jista’ jkun ir-riskji kardjo-vaskulari.