Heritage Malta fasslet ħames rotot differenti li b’mixja wieħed jkun jista’ jesperjenza siti differenza ta’ importanza storika f’pajjiżna.
Dan bħala parti mill-inizjattiva Smiles with Miles fejn bil-mixi qed jinġabru fondi għall-proġetti b’rabta mas-saħħa mentali.
L-istoriku Mario Coleiro, li fassal dawn ir-rotot spjega kif fihom wieħed jista’ jesperjenza ġmiel pajjiżna f’żoni urbani u dawk rurali.
“Hemm minnhom jibda mill-Imdina u jispiċċa fejn it-tempji li hemm l-Imġarr ta’ skorba u ta’ ħaġra, allura qed tara tiżwieqa bejn belt fortifikata u oħra fil-kampanja. Hemm oħrajn li jgħaddu minn irħula jew l-isem tal-irħula li fadal medjevali bħal misraħ Stenju jew Ħal Tmin, Ħal Millieri li huma kollha rħula medjevali li llum il-ġurnata m’għadhomx jeżistu imma tajjeb li meta nkunu qed nimxu f’postijiet bħal dawn nitgħallmu fuqhom” saħaq Coleiro.
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela spjegat kif din l-inizjattiva issa ser tkun qed iżżid element ieħor ma’ dak tal-importanza tal-eżerċizzju fiżiku u s-saħħa mentali.
Dan hekk kif issa Smiles with Miles ser tkun qed tressaq il-poplu Malti qrib ta’ ġawhar storiċi li pajjiżna huwa mogħni bihom.
Dr Abela qalet li“ser inkunu qed nibbenefikaw mentalment għaliex is-saħħa mentali tibbenefika meta aħna nagħmlu eżerċizzju fiżiku iżda wkoll qiegħdin nħarsu lejn l-aspett intelletwali għaliex grazzi għal Heritage Malta illum ser inkunu qed nindikaw ħames Heritage Trails li huma postijiet kulturali ġewwa pajjiżna u b’hekk ser inkunu qiegħdin nitfgħu d-dawl fuq dawn il-postijiet biex inkunu nistgħu ngħallmu l-poplu malti dwar dak li għandha x’toffri Malta mill-aspett kulturali.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit stqarr kif b’dawn it-trails ġodda, Heritage Malta mhux biss ser tkun qed tgħin f’inizjattiva għal għan nobbli iżda ser tkun qed issaħħaħ il-ħidma tagħha sabiex tkompli tressaq il-poplu Malti u Għawdxi lejn is-siti storiċi tagħha.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera spjega kif b’inizjattivi bħal dawn, is-siti storiċi f’pajjiżna qed ikomplu jsiru iżjed aċċessibbli sabiex jibqgħu ikunu apprezzati minn ġenerazzjonijiet futuri.