Ħames ristoranti lokali ngħataw il-premju prestiġġjuż tal-Michelin Star One għall-esperjenza unika li joffru lill-klijenti tagħhom.
Dawn huma : Bahia, Noni, ION- The Harbour, de Mondion, u Undergrain.
Victor Borg, Chef Eżekuttiv ta’ Undergrain, fisser li dan hu unur għalihom, speċjalment meta wieħed iqis ukoll li din hija t-tieni sena konsekuttiva li r-ristorant ħa dan il-premju.
Magħna spjega li s-suċċess huwa kollu fid-dettall.
Qal, “F’dan il-livell ma tmurx f’ristorant biex tiekol biss, l-esperjenza hija kollox, minn x’ħin tidħol sa x’ħin toħroġ. Nagħtu ħafna attenzjoni lid-dettall, kemm fl-ikel u l-ingredjenti li nixtru u t-tisjir, imma anke fis-servizz u l-atmosfera. Il-Maltin ifittxuha l-finezza u t-turisti wkoll għaliex f’pajjiżhom hemm ristoranti ta’ dan il-livell. Għandna domanda tajba ħafna.”
F’sajf li matulu qed nistennew li l-Gżejjer Maltin ifeġġu rebbieħa fuq il-pandemija tal-COVID-19 u jattiraw it-turisti lejhom mill-ġdid, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li timbru bħal dan se jgħolli l-livell tal-prodott li joffru l-gżejjer tagħna.
Qal, “Dan il-fatt awtomatikament jgħin lil Malta biex tgħolli l-livell tagħha u l-kwalità li noffru lit-turist iħalli marka aħjar f’dak li noffru fis-servizzi tagħna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo awgura lir-ristoranti li l-Erbgħa ngħataw il-premju, u fakkar fl-importanza li jiżviluppaw niċeċ turistiċi ġodda.
Spjega, “In-niċċa tal-gastronomija hija niċċa li rridu niżviluppaw fis-snin li ġejjin. Il-fatt li għandna ħames ristoranti li għandhom il-premju tal-Michelin Star jawgura tajjeb fil-ħidma li qed tagħmel l-MTA u l-Ministeru biex ngħollu l-kwalità fl-esperjenza tat-turisti li jiġu pajjiżna.”