Hekk kif issoktat il-ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena, bit-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’, tħabbru ħames proġetti massiċċi għall-ħames snin li ġejjin u li se jkomplu jittrasformaw il-mod kif jaħdem is-servizz pubbliku f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, fil-preżenza tas-Segretarji Permanenti tad-diversi Ministeri tal-Gvern, spjega kif dawn il-proġetti se jkunu fil-qofol tal-istrateġija għas-servizz ċivili għall-ħames snin li ġejjin b’ħamsa u erbgħin miżura.
L-ewwel proġett huwa dak ta’ Digital Transformation Hub, f’binja li se tiġi rriġinerata fil-Furjana. Hawnhekk se jiġu ttestjati l-proċessi kollha diġitali li jkunu qed jinħadmu, anke qabel ma jiġu varati fil-komunità. Bħalissa s-servizz.gov għandu elf u ħamess mitt servizz online u, permezz ta’ dan il-hub, dawn is-servizzi se jkomplu jiżdiedu.
It-tieni proġett huwa dak tas-Central Registry Office, fejn taħt l-istess saqaf issa se jkun hemm uniformità fil-proċess tad-dokumentazzjoni li sal-lum isir f’sebgħin post differenti.
Żewġ proġetti oħra se jkunu qed joperaw fl-istess binja li bħalissa qed tinbena fiż-Żona Industrijali f’Ta’ Kordin.
Fi proġett minnhom se jkun qed jissaħħaħ il-kunċett tar-remote working u, fil-proġett l-ieħor, se naraw post ieħor għall-Istitut tas-Servizz Pubbliku u li permezz tiegħu se jiżdiedu l-korsijiet ma’ dawk li diġà qed isiru fil-Furjana.
Il-ħames u l-aħħar proġett jinvolvi l-estensjoni tal-People and Standards, u se jkun jinvolvi l-bini ta’ sular ieħor.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, spjega kif dawn il-proġetti se jagħtu l-ħajja lill-istrateġija l-ġdida taċ-Ċivil, li ġiet varata għall-ħames snin li ġejjin.
Qal, “L-istrateġija tas-Servizz Pubbliku, li hija mifruxa fuq ħames snin, għandha ħamsa u erbgħin miżura, però mhux il-ħamsa u erbgħin li huma wieħed jista’ jarahom, u allura llum tajna togħma ta’ dak li jistgħu jkunu ċerti proġetti kapitali. Tajna togħma ta’ kif se nkunu qed intejbu u nsaħħu s-servizz pubbliku.”