Ħames persuni, erbat Niġerjani u Maltija mistennija jitressqu l-Qorti llejla għall-ħabta tad-disgħa b’rabta ma’ reat magħruf bħala ‘romance fraud’.
Fi stqarrija mibgħuta mill-pulizija llejla ngħad li wara xhur ta’ investigazzjonijiet irriżulta li mara anzjana Maltija allegatament spiċċat vittma ta’ frodi ta’ ammont konsiderevoli ta’ flus, wara li għal perjodu twil ta’ żmien daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ persuna li qal li huwa suldat Amerikan li qiegħed fuq missjoni fl-Afganistan, iżda kien se jtemm din il-missjoni u jiġi jgħix Malta.
L-allegata vittma, għalkemm qatt ma ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ mal-persuna l-oħra, ħadet din ir-relazzjoni b’serjetà u ddepożitat eluf ta’ ewro permezz ta’ diversi tranżazzjonijiet bankarji wara li din il-persuna allegatament talabha biex tħallaslu għall-ispejjeż li kellu.
Mill-investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija Maltija, irriżulta li dan ir-reat ta’ ‘romance fraud’, allegatament kien qiegħed jitwettaq f’Malta stess, minn numru ta’ persuni li assistew sabiex il-flus jidħlu f’ammonti żgħar f’diversi kontijiet bankarji bl-iskop li jinġibdu u b’hekk jinħaslu.
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija stabilixxiet min allegatament kien wara dan ir-reat u ġew arrestati ħames persuni, li l-età tagħhom tvarja bejn it-28 u t-58 sena.
Huma mistennija jiġu mixlija b’involviment fi skema ta’ frodi li wasslet għar-reat ta’ ħasil ta’ flus.
Dan il-każ huwa meqjus bħala l-ewwel wieħed li fih se jitressqu persuni l-Qorti fuq allegat frodi permezz ta’ relazzjoni virtwali.