Fil-Qorti tressaq it-Tabib Silvio Grixti u erba’ persuni oħra: Roger Agius ta’ 45 sena minn Ħal Luqa, Emmanuel Spagnol ta’ 69 sena miż-Żejtun, Dustin Caruana ta’ 36 sena minn Ħal Tarxien u Luke Saliba ta’ 33 sena mill-Imsida.
Dawn qed jiġu mixlija bi frodi ta’ benefiċċji soċjali li fuq il-każ tressqu nies oħra wkoll u anki saret inkjesta li għamlet ir-rakkomandazzjonijiet u li ġiet ippubblikata aktar kmieni din il-ġimgħa.
Qabel daħal il-Qorti, il-midja kienet barra u staqsiet lil Grixti, fejn hu ċaħad li kien imqabbad mill-eżekuttiv tal-Partit Laburista biex iwettaq dak li allegatament għamel marbut ma’ ħruġ ta’ ċertifikati foloz biex persuni jibbenefikaw minn benefiċċji li ma kinux intitolati għalihom.
Fuq dawn il-każijiet hemm persuni li diġà nstabu ħatja u qed jirrifondu l-flus li ħadu mhux dovuti lilhom wara li anki kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li minnufih irrapporta lill-Pulizija mal-ewwel każ suspettuża li feġġ għall-attenzjoni tiegħu lura fl-2021 u sussegwentament il-Ministeru għall-Politika Soċjali kkopera bi sħiħ mal-investigaturi biex jiġi mixtarr kull każ li jmur lura għal disa’ snin ilu.
Intant fil-Qorti l-Maġistrat Leonard Caruana rrikuża ruħu mill-każ anki jekk il-prosekuzzjoni u d-difiża ma oġġezzjonatx għalih.
Jirriżulta li l-Maġistrat tkellem mal-Avukati wara l-bibien magħluqa mbagħad iddeċieda li l-każ għandu jmur quddiem Maġistrat ieħor.