Fl-aħħar sigħat ħames persuni fiequ mill-Coronavirus biex l-ammont ta’ persuni mfejqa issa jlaħħaq l-488.
Dan filwaqt li 10 persuni rriżultaw pożittiv għall-Covid-19, wara li fl-aħħar sigħat sar numru rekord ta’ testijiet li laħħaq l-1,500.
Fl-aħħar aġġornament, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, inqtal li l-ammont totali ta’ testijiet issa qabeż is-47,000, li jfisser li aktar minn wieħed minn kull 10 persuni f’Malta sar test fuqhom għall-Coronavirus.
Il-Professur Gauci qalet li t-total ta’ każijiet pożittivi f’Malta issa huwa ta’ 532, bi 78 minnhom huma każijiiet attivi. Disa’ mill-għaxar każijiet imħabbra illum huma każijiet ta’ persuni li mardu mingħajr ma kienu f’kuntatt ma’ persuni morda bil-Coronavirus.
Semmiet li dawn il-każijiet juru kif il-virus għadu fil-komunità u għaldaqstant wieħed irid jipproteġi lilu nnifsu u ta’ madwaru.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet: “L-importanti li aħna nżommuh stabbli ħalli b’hekk inkunu nistgħu nikkontrollaw il-firxa ta’ dan il-virus. La nafu li hemm il-virus irridu nsegwu l-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet li qegħdin nagħmlu biex dejjem inżommu l-firxa mill-inqas li nistgħu u dejjem nipprteġu lil xulxin.”
Il-Professur Gauci spjegat ukoll li r-rata ta’ trażmissjoni tal-virus niżlet xi ftit meta mqabbel mal-jiem ta’ qabel.
Il-Prof. Charmaine Gauci sostniet: “L-RT jkun qiegħed ivarja, bħalissa qiegħed 1.3 però importanti ħafna li mhux tara numru ta’ ġurnata imma average fuq numru ta’ ġranet għax dak li aħna nieħdu inkosiderazzjoni meta naraw kif ħadmu l-miżuri u naraw liem miżuri qegħdin nirallaxxaw.”
Intant bħalissa fl-isptarijiet hemm 16-il pazjent bil-Covid-19.
Tliet persuni jinsabu fl-Isptar Boffa, 7 persuni fl-Isptar St Thomas, 3 persuni f’Mater Dei u tliet persuni oħra f’Karin Grech.
Qalet li bħalissa ma hemm l-ebda pazjent fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.