Il-pulizija qalet li ħames persuni ġew arrestati fiż-Żurrieq wara li kienu involuti f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga.
Wara jiem ta’ osservazzjoni, l-iskwadra ta’ Kontra d-droga rnexxiela tkisser ċirku ta’ traffikar tad-droga b’konnesjonijiet ma’ barra minn Malta, fejn arrestat raġel u mara ta’ tletin sena miż-Żurrieq, Russa ta’ tnejn u għoxrin sena, raġel ta’ sitta u tletin sena u raġel ieħor ta’ disgħa u għoxrin sena mill-Mosta.
Minn tfittxija li saret f’dar fil-Mosta ta’ wieħed mill-irġiel, instabu ammont ta’ flus kontanti u diversi pakketti b’sustanza kannella suspettata droga eroina li juru li ma kinux għall-użu personali tiegħu.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Joe Mifsud ġie infurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja filwaqt li l-persuni mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.