Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg ħabbar li l-Gvern irċieva ħames offerti għat-twettiq tal-proġett tas-Central Link Project li għandu l-għan li jindirizza l-problema tat-traffiku fiċ-ċentu tal-pajjiż.
Il-Ministru Borg qal li l-proġett mistenni jiġi jiswa anqas mill-valur stmat ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro. Fil-fatt il-valur tal-offerti li rċieva l-Gvern ivarjaw bejn tmienja u għoxrin miljun u erba’ mitt elf ewro u disgħa u tletin miljun u nofs ewro.
Dr Borg qal li l-offerti mitfugħa jixhru li l-kuntratturi qed isaħħu r-riżorsi tagħhom biex joffru servizzi infrastrutturali meħtieġa mill-pajjiż skont il-livell ta’ kwalità għolja mitluba mill-Gvern u l-istandards internazzjonali tat-toroq b’rati aktar kompetittivi.
Permezz ta’ dan l-investiment, se jinbnew diversi toroq ewlenin fiċ-ċentru tal-pajjiż, biex jitnaqqas bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar fir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard, Ta’ Qali, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Mosta.
Fl-istess waqt se jitjieb l-ambjent u l-kwalità tal-arja fl-inħawi residenzjali ta’ dawn il-lokalitajiet.
Dan permezz ta’ disinn u bini mill-ġdid tar-rotta ta’ aktar minn erbgħa kilometri bejn il-Bypass tal-Imrieħel u r-roundabout ta’ taħt it-Telgħa tas-Saqqajja, dħul ta’ korsiji ġodda, titjib fl-effiċjenza u s-sigurtà ta’ tlettax-il junction u t-tneħħija ta’ tliet sistemi ta’ traffic lights.
Dan flimkien ma’ aktar minn għaxar kilometri ta’ bankini u passaġġi tal-mixi ġodda, sistemi għall-ivvjaġġar aktar sikur bir-roti u titjib fil-faċilitajiet għat-trasport pubbliku.
Il-Ministru Borg qal li l-offerti se jitqiesu fil-ġimgħat li ġejjin, sabiex tintgħażel l-aħjar waħda. Barra minn hekk permezz tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, se titkompla d-diskussjoni dwar dan il-proġett li kien ilu snin fuq il-karta mingħajr qatt ma sar xejn.