Tliet organizzazzjonijiet volontarji ffirmaw ftehim sabiex jirċievu total ta’ €35,000 kull wieħed mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Volontarji, li jifforma parti mill-portafoll tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, wara li applikaw b’suċċess jew temmew proġetti f’oqsma differenti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Waqt il-preżentazzjoni tal-fondi, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Dr Clifton Grima rringrazzja lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet volontarji għall-ħidma importanti li jwettqu f’Malta. L-Onor. Clifton Grima qal li l-gvern huwa mpenjat li jkompli jgħin lis-settur volontarju biex b’ħidmietu jitkattar fis-soċjetà tagħna. Huwa saħaq li l-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom rwol importanti fil-ħidma tal-NGOs u spjega li l-Fond ta’ Ko-finanzjament għandu l-għan jgħin lill-NGOs jaċċessaw aktar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Kien hemm ukoll erba’ proġetti oħra li ntemmew b’suċċess, u għalhekk tliet għaqdiet oħra irċevew l-aħħar parti tas-somma li tammonta għal €28,941.
B’kollox, dawn il-ħames għaqdiet irċevew total ta’ €304,243 għal seba’ proġetti differenti. Din is-somma tinkludi l-ammont totali ta’ finanzjament li rċevew l-erba’ proġetti li issa ntemmu kif ukoll is-somma mogħtija l-bieraħ lit-tliet NGOs mal-iffirmar tal-ftehim għall-finanzjament.
Meta NGO tapplika għal fondi Ewropej din tkun obbligata li toħroġ persentaġġ mill-ispejjeż tal-proġett. Diversi entitajiet ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jagħmlu dan. Għaldaqstant ikollhom problema biex jaċċessaw il-fondi Ewropej. Għalhekk il-fond tal-Gvern jassisti lill-NGOs sabiex ikopru dan l-impenn finanzjarju.
Dan il-fond ta’ Ko-finanzjament jammonta għal €150,000 fis-sena u jippermetti l-finanzjament ta’ mill-inqas 20 proġett kull sena. Il-fond qiegħed fuq sejħa kontinwa, għalhekk il-benefiċjarji jistgħu japplikaw matul is-sena għall-finanzjament. L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet issir erba’ darbiet fis-sena. Minn Ġunju tal-2017 ’l quddiem il-benefiċjarji saru eliġibbli għal mija fil-mija tal-finanzjament sa massimu ta’ €15,000 għal kull proġett.
L-organizzazzjonijiet volontarji li rċevew il-fondi fis-26 ta’ Ġunju 2018 huma KOPIN Kooperazzjoni Internazzjonali – Malta, Fondazzjoni Wirt Artna, Birkirkara Badminton Club, BirdLife Malta, u l-Malta Regional Development and Dialogue Foundation.