Antoine Agius Bonnici, Philip Galea Farrugia, Jean Paul Grech, Anne Marie Thake u Nadia Helena Vella ħadu l-ġurament bħala Maġistrati, wara li ntagħżlu minn fost wieħed u tletin applikant li esprimew interess f’sejħa pubblika.
Iċ-ċerimonja tal-ġurament saret l-Erbgħa waranofsinhar fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, ippreseduta mill-President ta’ Malta George Vella, u fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, u l-Avukat tal-Istat Chris Soler, fost oħrajn.
F’kumment qasir li taw mumenti wara li ħalfu li jaqdu dan ir-rwol fl-aħjar interess tal-pajjiż, fil-preżenza tal-ġenituri u qraba oħrajn li kienu strumentali biex sawru fihom il-valuri u l-edukazzjoni biex waslu s’hawn, il-ħames membri tal-ġudikatura l-ġodda wegħdu li se jaqdu d-doveri tagħhom mingħajr ma jħarsu lejn uċuh u mingħajr ma jaqgħu għall-ebda pressjoni.
Il-President ta’ Malta nnota kif dan hu pass ieħor ’il quddiem biex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
“Bil-ħidma tagħkom, Sinjuri Maġistrati, se jkunu qed jissaħħu b’mod tanġibbli r-riżorsi fil-Qrati ta’ Malta, u fuq kollox se jkomplu jissodaw il-kredenzjali ta’ pajjiżna fil-qasam fundamentali tal-governanza t-tajba.”
Huwa ħeġġiġhom biex l-imġiba tagħhom tkun dejjem eżempju ta’ korrettezza u integrità.
“Nitlobkom iżżommu f’moħħkom li kull min ifittex ġustizzja, jistenna dan mingħajr dewmien żejjed. Dan tagħkom huwa servizz fil-komunità li minbarra li tistenna l-ġustizzja, tistenna li tiġi moqdija mill-aktar fis possibbli jew għall-inqas, fi żmien raġjonevoli.”
Din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura hi parti minn proċess intiż li jkompli jżid l-effiċjenza fil-Qrati, anke b’konformità mal-impenn fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li llum hu l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern, u b’diskussjoni mal-Prim Imħallef.
Din iż-żieda se tkompli ssaħħaħ il-korp tal-ġudikatura li diġà hu l-akbar wieħed fl-istorja tal-Qrati tagħna u se tippermetti li l-Prim Imħallef jalloka erbgħa bħala Maġistrati għal inkjesti biss.