Il-Kunsill Lokali tar-Rabat, l-Imdina, Ta’ Xbiex, l-Isla u l-Imtarfa huma r-rebbieħa ta’ premijiet relatati mal-ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà.
Dawn ir-rebbieħa ħadu mal-mija u tletin elf ewro bejniethom wara li pproponew proġetti marbuta mal-użu ta’ vetturi elettriċi.
B’hekk issa dawn il-proġetti mhux se jibqgħu fuq il-karta u se jaraw id-dawl.
Is-Sindku tal-Isla spjega l-proġett tal-lokalità li ġie premjat favur użu ta’ trasport ħabib tal-ambjent.
Huwa qal: “Inħarsu ‘l quddiem issa biex nibdew l-proċess biex jkollna vettura elettronika biex apparti li nibżgħu għall-ambjent nkunu ta’ servizz għar-residenti biex jekk persuna jkollha bżonn tmur vista l-policlinic jew il-bank tkun tista’ tagħmel kuntatt magħna u aħna nkunu ta’ servizz għalihom.”
Il-Kunsill ta’ din il-lokalità ippropona wkoll li jinxtraw scooters elettroniċi sabiex jkunu jistgħu jintużaw mit-turisti kif ukoll minn nies tal-lokalità
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg feraħ lill-kunsilli kollha li ħadu sehem.
Fil-fatt għal dawn il-premijiet kien hemm sbatax-il applikazzjoni.
Saħaq fuq il-bidla fil-mentalità fl-użu tat-trasport filwaqt li ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali jagħmlu użu minn għadd ta’ inċentivi favur trasport li jadem fl-enerġija nadifa.
Il-Ministru Borg qal: “Għal ċertu servizzi għal ċertu destinazzjonijiet wieħed għandu jara kif forsi jista’ jingħaqad mal-oħrajn biex dak il-vjaġġ ma jkunx ovvjament qed jikkawża pressjoni fuq l-komunità. Allura l-Kunsilli Lokali li qed jagħmlu hawn hekk qed jingħataw l-għajnuniet biex jixtru vetturi li jkunu qegħdin jiġu maqsuma bejn nies fil-komunità li jkollhom bżonn speċjalment l-anzjani u persuni li għandhom problema ta’ mobilità.”