Ħames lokalitajiet, li huma Marsaxlokk, Birżebbuġa, Santa Venera, Ħal Għaxaq u l-Manikata (Mellieħa), se jibbenefikaw mill-iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, skema li tinħareġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
L-iskema ta’ ‘Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali’ ġiet imnedija fl-2015, bl-għan li tassisti lill-kunsilli lokali fir-restawr ta’ binjiet u monumenti ta’ valur artistiku u/jew storiku li jinsabu fil-lokalità. Fuq bażi annwali, il-kunsilli lokali ta’ Malta jingħataw il-possibilità li jressqu proposti ta’ proġetti għall-konsiderazzjoni tal-Kumitat tal-Għażla maħtur mill-gvern, sabiex jevalwaw l-applikazzjonijiet.
Bl-implimentazzjoni tagħha, din l-iskema qiegħda tipprovdi assistenza sinifikanti matul is-snin lil lokalitajiet differenti. 14-il-kunsill lokali (San Ġwann, il-Ħamrun, Santa Luċija, Ħal Luqa, Ħaż Żebbuġ, Marsaskala, Ta’ Sliema, iż-Żurrieq, Birkirkara, is-Siġġiewi, Ħal Għargħur, Raħal Ġdid, L-Imqabba u Ħal Safi) filfatt diġà ibbenefikaw minn din l-iskema mill-bidu tagħha. Il-valur tal-proġetti individwali li jseħħu permezz ta’ din l-iskema jvarja minn €25,000 għall-€60,000, u jiddependi mis-skala tal-monument/binja u min-natura tar-restawr involut.
Bis-sejħa ta’ applikazzjonijiet ta’ din is-sena se jiġu restawrati dawn il-monumenti: in-niċċa ta’ Kristu Redentur f’Marsaxlokk, ir-ridott ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, il-Kappella ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, il-Kappella ta’ Santu Kristu f’Ħal Għaxaq, u l-Knisja l-qadima tal-Manikata fil-Mellieħa.
Fil-ġimgħat li ġejjin, id-Direttorat tar-Restawr se jieħu ħsieb il-fażi ta’ dokumentazzjoni li twassal għall-preparazzjoni tad-dokumenti meħtieġa biex jitressqu lill-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa mistenni li x-xogħlijiet ta’ restawr fuq is-siti varji jibda lejn nofs is-sena d-dieħla.