Ħames lokalitajiet f’pajjiżna għandhom aktar nisa milli rġiel. Dan ħareġ minn ċifri tal-aħħar ċensiment lokali, li sar fl-2021, u li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara.
Jirriżulta li dawn il-ħames lokalitajiet huma Ħal Balzan, l-Imtarfa, ir-Rabat u Santa Luċija f’Malta u Ta’ Kerċem, f’Għawdex.
Minn dawn iċ-ċifri taċ-ċensiment ħareġ ukoll li għadd ta’ nisa li ggradwaw f’livell terzjarju hu ta’ kważi tmienja u erbgħin elf u ħames mija.
L-aktar ammont ta’ nisa, li ggradwaw hu fil-livell ta’ Baċċellerat, b’aktar minn sebgħa u għoxrin elf (27,000). Wara hemm dawk fil-livell ta’ Masters u Dottorat.
Intqal li l-aktar tliet lokalitajiet li fihom jaħdmu n-nisa huma Birkirkara, l-Imsida u l-Belt Valletta.