Il-każijiet ta’ persuni bil-Coronavirus, telgħu għal mija 39 hekk kif fl-aħħar sigħat kien hemm 5 persuni li rriżultaw pożittiv għal dan il-virus.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li dawn il-każijiet ta’ persuni ġodda infettati feġġew wara erba’ mija tnejn u tletin test li saru fil-jum tal-Ħamis.
Spjegat li persuna ħarġet mit-taqsima tal-kura intensiva u issa daħlet mara ta’ 60 sena li tinsab f’qagħda stabbli.
Il-Professur Gauci qalet li l-anzjan ta’ 61 sena li għandu kumplikazzjonijiet f’saħħtu wkoll għadu jinżamm fl-ITU.
Intant mill-5 każijiet ġodda wieħed minnhom huwa relatat ma’ safar.
Malti ta’ 23 sena li kien jgħix ir-Renju Unit u ġie lura f’Malta l-ġimgħa l-oħra. Huwa beda bis-sintomi ġurnata wara li wasal f’pajjiżna, għaldaqstant qed isir intraċċar tan-nies li kienu miegħu fuq l-ajruplan.
L-erba’ każijiet l-oħra huma minn trażmissjoni lokali.
Żewġ persuni ġew infettati għax kellhom kuntatt ma’ persuni pożittivi li jafu bihom l-awtoritajiet tas-saħħa. Filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ma jafux minn fejn ġew infettati bil-Coronavirus.
Filfatt, Malti ta’ 23 sena, ġie infettat bil-Coronavirus wara li kien jaħdem ma’ persuna li rriżultat pożittiv.
Indjan ta’ 30 sena li jaħdem fil-qasam tas-saħħa, ħa l-virus wara li kellu kuntatt ma’ persuna li diġà rriżultat pożittiv għall-Coronavirus.
Il-Professur Gauci qalet li dan ir-raġel bediex ixomm u lanqas itiegħem fost sintomi oħra.
Każ ieħor huwa ta’ Malti ta’ 32 sena, li nqabad pożittiv mill-iscreening fl-isptar Mater Dei hekk kif huwa kien se jagħmel operazzjoni. Ir-raġel ma sifirx u ma kellux kuntatt ma’ nies li siefru.
Il-ħames każ huwa ta’ żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Gambja li ilu tmien xhur jgħix f’pajjiżna.
Il-Professur Charmaine Gauci appellat sabiex kulħadd jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.
Hija spjegat: “Għaliex probabli għandna iktar nies li għandhom l-każijiet u mhux jiġu għat-testing. Jista’ jkun għanda nies li għandhom sintomi ħfief allura ċemplu 111 biex isir it-testing.”
Il-Professur Charmaine Gauci aċċennat li l-biċċa l-kbira tal-persuni infettati huma fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Qalet li minn dawn il-persuni morda bil-virus, 32 biss qed jinżammu fl-isptar Mater Dei jew sptar privat.