Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci kkonfermat 5 każijiet oħra ta’ Coronavirus f’pajjiżna sabiex b’hekk in-numru ta’ persuni milquta minn din l-imxija f’pajjiżna tela’ għal 53.
3 minn dawn il-każijiet ġodda huma impurtati.
F’konferenza fid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fi Gwardamangia, il-Professur Gauci saħqet ukoll li dawk kollha milquta mill-Coronavirus f’pajjiżna jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba.
- L-ewwel każ kien ta’ mara Maltija ta’ 56 sena li kellha waħda mill-familjari tagħha li kienet marret Brussell u laqtet il-Coronavirus. Il-Professur Gauci spjegat kif l-Awtoritajiet kienu ordnaw mal-ewwel lill-familja ta’ 6 minn nies ta’ din il-persuna sabiex joqgħodu fi kwarantina. B’hekk din il-persuna li issa wkoll għandha l-Coronavirus ma’ kellha kuntatt ma’ ħadd ħlief mal-familja tagħha.
- It-tieni każ huwa ta’ raġel Malti ta’ 29 sena li kien l-Ingilterra bejn it-8 ta’ Marzu u l-15 ta’ Marzu. Huwa beda juri sintomi ta’ sogħla, għejja u qtugħ ta’ nies. Dan il-persuna meta ġie lura Malta fil-15 ta’ Marzu l-liġi tal-kwarantina mandatorja kienet diġà fis-seħħ u b’hekk ma’ kellu l-ebda kuntatt ma’ persuni oħra barra d-dar tiegħu.
- It-tielet każ huwa ta’ raġel Spanjol ta’ 33 sena li jaħdem hawn Malta. Huwa mar Madrid fit 29 ta’ Frar Il-Professur Gauci spjegat fit-12 ta’ Marzu huwa beda juri s-sintomi u b’hekk ġie swabbed u rriżulta pożittiv għall-virus. Kien hemm istanza waħda fejn dan il-persuna kien mar għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu. Madankollu dan kien mar ix-xogħol jumejn qabel ħarġulu s-sintomi.
- Ir-raba’ każ huwa raġel Malti ta’ 35 li mar Brussell u wasal Malta fil-11 ta’ Marzu. Huwa kellu s-sintomi ta’ uġigħ ta’ ras u sogħla malli ġie lura madankollu ma’ kien hemm l-ebda riskju li dan il-persuna seta’ xerred il-marda hekk kif ukoll żamm mad-direttivi tal-kwarantina.
- L-aħħar każ huwa ta’ raġel Malti ieħor ta’ 64 sena u huwa jiġi minn persuni li marru l-Ingilterra u rritornaw fit-13 ta’ Marzu. Is-sintomi ta’ sogħla u uġigħ dfil-griżmejn bdew fis-17 ta’ Marzu. Din il-persuna flimkien ma’ familtu wkoll qgħadu fi kwarantina f’darhom.
Intant il-Professur Gauci spjegat kif minkejja li llum hija festa l-ħidma mill-Awtoritajiet tas-Saħħa xorta baqgħet għaddejja mingħajr waqfien sabiex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll.
Filfatt il-Professur Gauci spjegat ukoll kif kompla jiżdied l-iswabbing. Hija qalet kif b’kollox saru matul il-jum tal-Erbgħa saru 304 swabs b’ħamsa jirriżultaw pożittivi.
Dan filwaqt li sa’ issa saru 1,183 swab fuq nies li kienu sintomatiċi. Mill-isptar Mater Dei saru 785 swab li kollha rriżultaw negattivi.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Gauci kompliet tisħaq fuq l-importanza li l-pubbliku jibqa’ jobdi mad-direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Professur kompliet tgħid kif kollox issa jiddependi fuq kemm il-poplu jobdi l-parir mgħotija mill-Awtoritajiet sabiex jonqos it-tixrid ta’ din l-imxija.