L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin, ikkonfermaw sitt każijiet ġodda ta’ Coronavirus. Każ minnhom tħabbar il-Ġimgħa filgħaxija u l-ħamsa l-oħra tħabbru s-Sibt filgħodu.
Biex issa il-każijiet f’Malta ta’ Coronavirus telgħu għal 18.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, kkonfermat li l-każijiet huma kollha impurtati minn barra l-pajjiż.
Hija spjegat: “Dawn il-każijiet kollha, it-18-il każ huma kollha każijiet li huma importati u l-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma kellu trażmissjoni li huma lokali.”
L-ewwel każ li tkellmet fuqu l-Profs. Gauci s-Sibt filgħodu huwa Russu li rritorna Malta minn pajjiżu fl-4 ta’ Marzu, bis-sintomi ħarġulu fil-11 ta’ Marzu. Huwa jgħix mas-sieħba tiegħu li tinsab fi kwarantina, u li sa issa ma uriet l-ebda sintomi.
Ir-raġel jaħdem f’kumpanija privata, u l-awtoritajiet qed jagħmlu kuntatt ma’ kull persuna li setgħet ġħamlet kuntatt miegħu.
Każ ieħor jinvolvi Malti li kien l-Irlanda bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu, u s-sintomi ħarġulu jum qabel ma wasal Malta fid-9 ta’ Marzu.
It-tielet każ jinvolvi Malti li mar Barċellona u rritorna Malta fid-9 ta’ Marzu. Huwa ttestja pożittiv fit-13 ta’ Marzu.
Il-Professur Gauci rrimarkat li f’dan il-każ ir-raġel sema’ mill-pariri tal-awtoritajiet u qgħad fi kwarantina qabel ma ħarġulu s-sintomi.
Hija sostniet: “Hawnhekk għandna każ fejn dik il-kwarantina mandatorja li aħna għamilna għal nies li ġejjin minn Spanja fost pajjiżi oħrajn fil-fatt kellha l-effett għax kieku dal-persuna mar għax-xogħol seta’ hemmhekk espona lil ħaddieħor.”
Ir-raba’ u l-ħames każ jinvolvu koppja barranija li tgħix Malta. Huma żaru Spanja bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Is-sintomi ħarġulhom l-għada li ġew Malta. It-tnejn jaħdmu f’kumpanija privata u qed issir ħidma biex jiġi stabbilit jekk għamlux kuntatt mal-kollegi.
Intant il-każ imħabbar tard il-Ġimgħa filgħaxija jinvolvi studenta universitarja Maltija ta’ 19-il sena li bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu kienet Brussell. Is-sintomi żviluppawlha fil-11 ta’ Marzu.
Hija marret l-Università meta kienu diġa ħarġulha s-sintomi, u l-Professur Gauci qalet li qed issir ħidma biex jiġu identifikati dawk kollha li setgħu kellhom kuntatt magħha.
It-tfajla tgħix mal-ġenituri u ma’ oħtha, li qed jinżammu kwarantina. Sa issa ħadd minnhom mhu qed juri sintomi.
Il-Professur Gauci ikkonfermat li t-tfajla kienet fuq l-istess titjira ma’ passiġġier li wkoll irriżulta pożittiv u saret analiżi dettaljata tal-passiġġieri fuq din it-titjira.
Il-Prof. Gauci kompliet tispjega: “Propju tlieta minnhom li kienu fuq l-istess flight għamilnielhom it-testijiet u dawn ħarġu negattivi. Aħna rajna wkoll fejn kienu qegħdin ir-rows ta’ dawn iż-żewġ każijiet pożittivi li kellna jiġifieri wieħed li konna rraportajna iktar kmieni u l-wieħed li ġie kkonfermat il-bieraħ. Dawn kienu situated ‘il bogħod minn xulxin jiġifieri ma kienx hemm two rows bejniethom, kienu iktar ir-rows. Allura kollox jindika li ma kienx hemm trażmissjoni fuq l-ajruplan iżda kien hemm trażmissjoni minn Brussels fejn hemmhekk nafu li hemm ħafna każijiet li qed jiġu trażmessi minn persuna għall-oħra.”
Intant il-Kunsill Studenti Universitarji appella biex ma jkunx hemm spekulazzjoni jew tixrid tal-informazzjoni dwar it-tfajla f’dan il-każ jew fi kwalunkwe każ ieħor sakemm mhux mal-awtoritajiet li jista’ jgħin l-isforzi tagħhom.