Ħames immigranti li għandhom bejn il-15 u l-21 sena weħlu sentenza ta’ ħabs, wara li ammettew li kissru partijiet miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi, waqt rewwixta li saret fit-18 ta’ Settembru li għadda.
Dawn il-ħames immigranti li huma miċ-Chad, mis-Sudan u mis-Somalja kienu akkużati li kisssu twieqi u strutturi f’Ħal Safi, filwaqt li kienu mixlija li m’obdewx l-ordinijiet tal-awtoritajiet, li kissru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li kienu kompliċi fil-ħruq ta’ saqqu.
Dawn l-immigranti flimkien ma’ tnejn u għoxrin immigrant ieħor tressqu l-Qorti dakinhar stess tal-irvellijiet, fejn inżammu arrestati għar-reat li għamlu.
Żewġ immigranti weħlu 30 xahar ħabs kull wieħed, filwaqt li tlieta oħra weħlu 18-il xahar ħabs kull wieħed.
Dawn il-ħames immigranti jridu jħallsu wkoll multa’ €500 kull wieħed lill-Gvern Malti talli wettqu dan ir-reat fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.