Il-familja taċ-ċkejkna April Jones, li sfat maqtula wara li nħatfet minn raġel bi storja ta’ abbużi sesswali, tinsab irrabjata u determinata li ġġib bidla fil-liġijiet Ingliżi.
Dan għaliex mhux permess li isem pedofeli jkun permanentament fuq il-lista ta’ nies li jwettqu abbużi sesswali. Minflok, kemm idum isem xi pedofelu fuq il-lista jiddependi minn kemm tkun twila s-sentenza li ngħata. Il-familja ta’ April, li kellha ħames snin, trid li isem il-qattiel tagħha jibqa’ hemm anke wara li jkun skonta s-sentenza tiegħu. Qed jistaqsu għaliex pedofeli jkollhom il-possibiltà ta’ ċans, meta t-tfal li jkunu abbużaw iġorru l-effetti tul ħajjithom kollha.
Permezz ta’ programm televiżiv bl-isem Good Morning Britain fuq ITV, omm April qalet li l-qattiel tagħha kellu madwar 500 stampa reltatata mal-pornografija fuq il-computer tiegħu, u li kieku l-Pulizija kienu għajnejhom fuqu, kieku ma kienx jiġri dak li ġara. Il-Pulizija sabet li ftit tal-ħin biss qabel qatilha, il-qattiel fittex ‘naked five-year-old’ fuq il-computer.
April sparixxiet f’Ottubru 2012, wara li ntlemħet titla’ f’karozza qrib darha. Raġel ta’ 46 sena bl-isem ta’ Mark Bridger, iben Pulizija, kien misjub ħati tal-ħtif u qtil tagħha.