Din il-kummiedja li qed isseħħ quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir trid tieqaf. Ma nistgħux nibqgħu inġebbdu b’dawn il-mutetti fejn erba’ min-nies iridu jibqgħu jinsistu li jfakkru l-memorja ta’ persuna propju fuq dan il-monument Nazzjonali – li jfakkar storja t’għaqda u qlubija fl-istorja ta’ pajjiżna. Għall-bidu kont ftit naïve fuqha din li saret velja quddiem il-Qorti u l-monument tal-Assedju l-Kbir għax ħsibt li kien avveniment temporanju, izda issa ttawwlet iżżejjed, fil-limiti tar-redikolaġni.
Ħassejtni offiż immens bit-titlu tal-artiklu fit-Times of Malta fejn, wara li riċentament tneħħew il-barriers din il-gazzetta irrapurtat storja tgħid “Demonstrators reclaim Great Siege monument in vigil for…”. Reclaim nistaqsi?? Mela dan qatt xi darba kien ta xi ħadd partikolari? Mela dan il-monument sar propjetà t’erba’ individwi li jħossuhom superjuri? Sentiment bħal dan huwa perikoluż f’soċjetà li tqis ruħha ċivili.
M’għandi xejn kontra li gruppi t’individwi jfakkru l-memorja ta’ persuna, jew li jitolbu ġustizzja għall-qtil tagħha – tajjeb li nfakkru li dan il-każ jinsab quddiem il-Qrati tagħna – iżda wieħed irid ikollu d-diċenza li jirrispetta l-wirt Nazzjonali kif ukoll lill-awtoritajiet Maltin. Ir-rule of law mhix selettiva, meta tridha biss. Ħadd m’hu ogħla mill-liġi, u l-mutetti u l-logħob tal-ors li qed nassistu għalih minn xahar għall-ieħor huwa xejn ħlief kummiedja.
X’inhi din l-insistenza li jibqgħu jimlew monument Nazzjonali bix-xemgħat u ritratti li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-iskop tiegħu? X’inhu l-ħsieb wara d-dimostrazzjonijiet li jħallu individwi jitkellmu mingħajr kontroll u diċenza b’dak li jintqal? Żgur li m’huwiex aċċettabbli li f’nofs pjazza pubblika jkun hemm għajjat ta’ kliem oxxen fil-konfront t’individwi, ministri jew uffiċjali pubbliċi! Iżda bħal donnu għal xi wħud dan ma jimpurtax u jaħsbu li għandhom id-dritt divin li jagħmlu li jridu – iżda malli imbagħad xi ħadd jipprova jwaqqafhom malajr narawhom joħorgu jibku u jgħajjtu bl-inġustizzja! Il-fatt li bqajna naraw graffiti u mutetti mal-barriers madwar il-monument huwa wirja tal-ħsieb provokattiv li għandhom wħud minn dawn l-attivisti, li jibqgħu jisfidaw akkost ta’ kollox. Monument Nazzjonali spiccaw ġabuh billboard, jew inkella sar donnu qabar ta’ persuna! Allaħares naslu fl-istat fejn kwalunkwe monument Nazzjonali jista’ jkun hijacked u jsir tifkira ta’ xi persuna!
Nemmen fil-libertà tal-espressjoni. Iżda dan id-dritt mhux assolut. Hemm ligijiet li jridu jiġu rrispettati. Jekk hawn min verament irid ifakkar l-memorja ta’ din il-persuna dawn għandhom ipoġġu madwar mejda u jsegwu l-possibilitajiet u t-toroq li tagħtihom il-ligi. Sadanittant, monumenti Nazzjonali għandhom iħalluhom bi kwiethom u ma jkomplux iwaqqgħu għaz-żufjett l-istorja ta’ pajjiżna billi jippruvaw ifakkru ġrajja flok oħra.