Il-Halloween hija ċelebrazzjoni li qed tidħol fil-kalendarju Malti, b’mod partikolari fost it-tfal. Ċelebrazzjoni li tradizzjonalment m’aħniex imdorrijin biha, pero bil-globalizazzjoni, kummerċ u media iktar aċċessibbli l-popolarita’ ta’ dan l-avveniment qed jikber. Ma tistax twaqqafha. Wara kollox, hemm bżonn li wieħed jipprova jwaqqafha?
Ngħiduha kif inhi, din iċ-ċelebrazzjoni qed tintuża iktar bħala okkażjoni oħra (apparti l-karnival) fejn it-tfal jilbsu kostum u jmorru jħabbtu l-bibien għal-ftit ħelu. B’daqshekk x’fiha ħażin? Diment li dan isir b’metodi diċenti ma hemmx lok għalfejn wieħed jallarma ruħu u jgħaġġibha. Festa oħra kummerċjali bħal bosta oħrajn.
Tisma’ min jgħid, “għax din, il-Halloween, m’hiex festa reliġjuża anzi hija festa li tkabbar lil Satana.” Reliġjuża jew le, il-bniedem jgħażel hu x’għandu jiċċelebra. Ħalluhom lit-tfal jieħdu gost jilbsu kostum, iħaffru qargħa hamra (forsi jieklu xi soppa minnha ukoll) u jmorru jduru it-toroq tal-lokal. Tgħid mhux qed issir adurazzjoni solenni tal-ħażen b’daqshekk! Min irid ifittex il-ħażen, jew jadura ċelebrazzjonijiet sataniċi żgur mhux se joqgħod jistenna ġurnata waħda minn 365 biex jgħamilha!
Fuq din il-blata hawn min jilgħabha tal-qaddis iktar mill-Papa. Mhux qed ngħid li wieħed m’għandux jimxi skont il-valuri tiegħu/tagħha, iżda lanqas m’għandek iġġib id-dinja fit-tarf billi tinsulenta u tiżżufjetta bit-tfal u nies li jħobbu jmorru ‘trick or treating’ f’lejliet Halloween. Huwa minnu li, minħabba r-reliġjon li nipprattikaw aħna iktar imdorrijin niċċelebraw il-festa tal-Qaddisin Kollha fl-ewwel jiem ta’ Novembru. Madanakollu ma jfissirx li għax it-tfal, jew adulti, jieħdu gost bil-Halloween għandhom jinsew ifakkru lill-qrabathom mejtin. Lanqas li għax tiċċelebra l-Halloween ma jfisser li inti sataniku jew mażun.
Il-popolarita’ tal-Halloween se tkompli tikber f’pajjiżna. Id-dinja moderna li qed ngħixu fiha, l-informazzjoni u l-bumbardament ta’ riklami qed iġibu kollox kummerċjali – anki l-festi solenni reliġjużi tal-Milied u l-Għid.