Għandi mistoqsija li nixtieq nagħmilha lill-Imħallfin kollha, lill-Maġistrati kollha, u lill-avukati kollha. Ovvjament ma nistennix tweġiba mill-Imħallfin, u lanqas mill-Maġistrati, għax dawn m’għandhomx jidħlu f’xi polemika, għalkemm hawn min ma jiddejjaq xejn jistedinhom jidħlu, sakemm, ovvjament, ikun jaqbel lilu. Imma nistenna tweġiba mill-avukati. Hu x’inhu l-kulur politiku tagħhom. U, ovvjament, anke mingħand dawk l-avukati li m’għandhomx kulur politiku. Għax jien m’inhix Simon Busuttil u nemmen li jew għandek wiċċek ‘blu’ jew wiċċek ‘aħmar’.
U l-mistoqsija x’inhi? X’jissejjaħ bniedem li jikser xi liġi, tkun xi tkun il-liġi, biex jakkwista flus? Jissejjaħ ħalliel? Jissejjaħ korrott? Jew it-tnejn, jiġifieri ħalliel u korrott?
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil poġġa fuq mejda ma’ tad-DB Grupp u talabhom jagħtuh €70,000 fis-sena biex ikun jista’ jħallas is-salarji tas-segretarju ġenerali u tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlenin. Meta tad-DB grupp qalulu ‘mhux problema’, Simon Busuttil kien pront qalilhom li dan ikun ifisser ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Tad-DB qalulu: Allura x’se nagħmlu?
U Simon Busuttil pront qalilhom: Tikkonfundux. Niffalsifikaw invoices, (li għalija huma dokumenti) biex taparsi qegħdin tħallsuna ta’ riklami – imbagħad ħallu f’idejja.
Ovvjament, Simon Busuttil kellu f’moħħu li kollox kien se jibqa’ mistur. Kollox kien se jibqa’ midfun. Imma kif inkixef kollox, Simon Busuttil inqabad fuq sieq waħda. L-ewwel qal li kien se jmur quddiem il-Kummissjoni Elettorali u jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu – għax m’għandu xejn x’jaħbi – u mbagħad beda jagħmel minn kollox biex ma ssir l-ebda investigazzjoni dwar dak li kien ftiehem mad-DB Grupp – jiġifieri biex tinkiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Il-mistoqsija tiġi waħidha: Għalfejn Simon Busuttil mar il-Qorti biex iwaqqaf l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali? Biex ma ngħidux li hu ħalliel? Biex ma ngħidux li hu korrott? Jew biex ma ngħidulux it-tnejn li huma!