Issa li l-kesħa tax-xitwa qed tolqot ġmielha lill-Gżejjer Maltin, ħafna ħarġu l-heaters sbiex ikunu jistgħu isaħħnu d-djar tagħhom. Madankollu jekk ma jittieħdux il-prekawzjonijiet neċessarji dawn il-heaters jistgħu faċilment jikkawżaw inċident traġiku jew ieħor li jikkawża danni kbar fir-residenzi.
Tkellimna mal-Manager tal-Operazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Anthony Pisani, li spjega kif wieħed dejjem għandu jassigura li l-appliance tiegħu jinsab fi stat ta’ użu tajjeb u wissa wkoll lil dawk li jużaw heaters li jsaħħnu permezz ta’ fjamma:
“Dejjem huwa importanti la inti għandek fjamma għaddejja, ossiġnu ma jinqatax. Trid toqgħod attent li inti ma ddaħħalx heater tal-gass u tagħlaq il-bieb tal-kamra. Il-heater tal-gass għandha bżonn l-ossiġnu, jekk tagħlaq il-bieb jitnaqqas ossiġnu, tintefa l-heater u tikkawża carbon monoxide poisoning”.
Is-Sur Pisani sostna wkoll li sabiex tipprevejni dan milli jseħħ għandek dejjem iżżom bieb jew tieqa miftuħa. Huwa spjega wkoll kif il-heaters għandhom jinżammu kemm jista’ jkun fiċ-ċentru tal-kamra. Dan sabiex jiġi evitat ir-riskju li jintlaqtu u jduru viċin wisq tal-għamara, sodod u sufanijiet. Hawnekk huwa semma fatturi bħall-anzjani, tfal żgħar u annimali domestiċi.
“Jekk ikollok nies li għandhom xi pets u jkollhom il-heaters, il-petsiħobbu s-sħana, se jersqu ħdejn il-heaters, iċaqalqu l-heater u jista’ jkun li s-sħana li tkun ħierġa minnu tikber fl-intensità tagħha u tiffoka fuq l-għamara. F’dan il-każ, jekk ikollok xi bed spread jew combustible material tispiċċa taqbad hi”.
Is-Sur Pisani fakkar ukoll kif il-heaters għandu jkollhom plakek bi standards Ewropej, ma jitqabdux ma’ extentions u triple adapters u jiġu evitati plakek tal-plastik. Minflok, wieħed għandu juża plakka tal-kina li tiflaħ aktar kurrent.