Ħallelin użaw splussivi biex daħlu f’mużew fl-Olanda minn fejn serqu erba’ oġġett antiki nkluż elmu tad-deheb li għandu madwar 2,500 sena.
Il-pulizija Olandiża qalet li din is-serqa seħħet fil-Mużew Drents ta’ Assen fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu meta daħlilhom rapport ta’ splużjoni fl-3:45 ta’ filgħodu.
Filmati ta’ sorveljenza maħruġa mill-pulizija juru lis-suspettati jiftħu bieb ta’ barra qabel isseħħ l-isplużjoni. Il-ħallelin ħarbu bi tliet brazzuletti tad-deheb tal-perjodu 50 sena qabel Kristu kif ukoll l-Elmu ta’ Cotofenesti mill-ħames seklu Qabel Kristu. Dan l-oġġett ta’ importanza kbira fl-istorja, kien misluf mill-Mużew Nazzjonali tar-Rumanija f’Bukarest.
L-oġġetti kienu parti minn esebizzjoni dwar soċjetà antika li kienet tokkupa r-Rumanija qabel kienet ġiet okkupata mir-Rumani.
Fi stqarrija għall-istampa, il-Mużew ta’ Drents iddeskrieva l-Elmu ta’ Cotofenesti bħala kapulavur hekk kif dan kien instab f’villaġġ Ruman madwar seklu ilu.