Żewġt irġiel mgħammdin u armati b’armi tan-nar serqu ammont ta’ flus kontanti minn ħanut f’Raħal Ġdid filwaqt li ferew lil klijent li kien hemm fil-ħin tas-serqa.
Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tad-21:15 fi Triq Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid.
Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija fuq il-post irriżulta li ż-żewġ irġiel mgħammdin u armati b’armi tan-nar, daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera u klijent li kien fil-ħanut fil-ħin tas-serqa.
Iż-żewġt irġiel ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti.
Il-klijent, raġel ta’ 26 sena residenti l-Kalkara kien iċċertifikat bi ġrieħi ħfief minn tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, filwaqt li l-kaxxiera u ħaddiem ieħor li kienu fil-ħanut ma sofrewx ġrieħi.
Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħallelin filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia li fetħet inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.