Joseph Muscat ingħata l-ħatra mill-ġdid ta’ Prim Ministru ta’ Malta. Għal ħames snin li ġejjin Joseph Muscat se jkun qed iservi lill-poplu Malti u Għawdxi wara li rebaħ, b’rebħa storika, l-elezzjoni Ġenerali b’55.04%.
Din il-ġurnata tant importanti għal pajjiżna, il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ martu u ż-żewġ ulied tiegħu mexa fi Triq ir-Repubblika fejn b’kalma u serenità, lest għal mandat ieħor, sellem lil dawk li nġabru fil-Belt Valletta biex ikomplu juru l-appoġġ tagħhom lill-Prim Ministru.
Jispikkaw mumenti mill-isbaħ u l-eċitament ta’ dawk miġbura li għamlu għażla ċara; għażla li jridu lil Joseph Muscat imexxi lil Malta. Serqu x-xena ukoll it-tfal tal-Prim Ministru li flimkien mal-ġenituri tagħhom selmu lil dawk preżenti bi tbissima fuq fommhom.
Fis-sala tal-ambaxxaturi li rat l-istorja ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru fil-preżenza tal-Avukat Ġenerali u l-Prim Imħallef ingħata l-ġurament tal-Ħatra mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Il-President, skont Artiklu 80 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta għandha s-setgħa li taħtar Prim Ministru.
Joseph Muscat ħa l-ġurament bħala Prim Ministru u ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
“Jiena Joseph Muscat solenninament naħlef li naqdi fedelment u skont il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala Prim Ministru u skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta mingħajr biża’ u favur. Hekk Alla jgħinni.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilu Mexxej tal-Partit Laburista mis-6 ta’ Ġunju, 2008. Fil-11 ta’ Marzu 2013 laħaq Prim Ministru għall-ewwel darba, Prim Ministru li fi żmien erba’ snin irnexxielu jbiddel pajjiżna għall-aqwa fid-dinja. Huwa serva ukoll fil-Parlament Ewropew bejn l-2004 u l-2008.
Il-5 ta’ Ġunju 2017, se tkun qed titniżżel ukoll fil-bijografija tal-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif wara rebħa storika huwa se jerġa’ jkollu f’idejh it-tmexxija tal-Pajjiż. Tmexxija bi pjan li se tkun qed twassal għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun is-seba’ persuna differenti li qed iservi ta’ Prim Ministru sa mill-Indipendenza. Prim Ministru li se jkun qed ikompli jibni fuq dak li diġà wettaq, Prim Ministru li dejjem baqa’ miftuħ għall-ideat u rnexxielu jgħaqqad lil pajjiżna.
Iżda il-Prim Ministru ta’ pajjiżna għandu ħolma Maltija li se jkun qed ibiddel f’realtà f’dawn il-ħames snin li ġejjin.