Fil-Librerija Pubblika biswit l-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda proġett pilota mmexxi minn Malta Libraries li se jwassal għal kollezzjoni estensiva ta’ Melitensia dwar il-lokalità nnifisha, inkluż pubblikazzjonijiet tal-Knisja, tal-Kunsill, u tal-Każin San Pawl, flimkien ma’ ritratti ta’ Ħal Safi.
Għaldaqstant, din il-librerija hija l-ewwel minn 57 librerija f’Malta u Għawdex li se tinkludi Melitensia bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-irwol tal-libreriji u l-librara fil-komunitajiet. Fil-fatt, il-Librar Nazzjonali u Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Cheryl Falzon tenniet li dan il-proġett ser ikun qiegħed jinfirex ma’ lokalitajiet differenti u li għalhekk dak f’Ħal Safi ser iservi ta’ mudell għal-lokalitajiet l-oħra.
B’hekk, il-libreriji tal-lokal ser isiru sors importanti fejn tidħol riċerka fuq bażi lokali għal riċerkaturi ta’ kull livell u repożitorji li fihom jinżamm il-materjal komplut ta’ riċerka dwar il-komunità nnifisha.
Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula saħaq li jinsab onorat li l-lokalità ta’ Ħal Safi ġiet magħżula bħala l-ewwel librerija li tgawdi minn dan il-proġett-pilota.
“Aħna fil-fatt onorati mmens illi l-lokalità tagħna ġiet magħżula u fil-fatt ġejna avviċinati biex mill-Malta Libraries b’inizjattiva illi fil-librerija tagħna jkollna s-sezzjoni tal-Melitensia.”
Il-Ministru Bonnici ikkummenta fuq l-importanza li l-libreriji jkollhom sezzjoni tal-Melitensia fil-libreriji tagħhom.
“Aħna qed nagħmlu sforz importanti ħafna biex il-libreriji fil-komunità nkomplu nkabbruhom. Il-libreriji fil-komunità għandhom irwol importanti ħafna għax iservu wkoll bħala hub kulturali fejn iż-żgħażagħ u t-tfal u l-addoloxxenti jkunu jistgħu imorru u jkomplu jkabbru l-esperjenzi tagħhom. Bdejna minn Ħal Safi bil-għan li b’dan li qed nagħmlu hawnhekk f’Ħal Safi ikompli jinxtered fil-libreriji tal-komunitajiet kollha li għandna f’pajjiżna – komunitajiet b’saħħithom huma wkoll komunitajiet li jkunu viċin il-kotba, letteratura, u l-qari.”
Hu tenna bl-appell li t-tfal u l-adulti jissieħbu fil-librerija tal-lokal tagħhom sabiex jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-libreriji u jżidu fl-għarfien tagħhom.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll kollaboraturi mir-Reġjun, mill-Parroċċa, u mill-Każini kif ukoll awturi tal-lokal li kollha offrew il-pubblikazzjonijiet tagħhom għal dan il-proġett.
Dan il-proġett pilota tnieda fil-ġimgħa ta’ attivitajiet f’lokalitajiet differenti organizzati minn Malta Libraries fil-ġimgħa tal-libreriji, il-Jum Dinji tal-Ktieb u l-Jeddijiet tal-Awtur.