Każ ieħor ta’ ħtif ta’ deheb minn fuq anzjana. Din id-darba kien imiss anzjana ta’ 81 sena minn Ħal Qormi, li kienet qed tistenna tal-linja fi Triq San Bastjan, kantuniera ma’ Santu Rokku. Dan seħħ għal ħabta tal-17:40.
Raġel aktarx huwa barrani. Huwa avviċina lill-anzjana u serqilha ġiżrana li kellha fuqha. Wara, ħarab jiġri. L-anzjana ma sofrietx ġrieħi imma ma jistax jonqos li sofriet xokk kbir.
Dan mhux l-unika każ ta’ serq li kellna f’Ħal Qormi. Sal-bieraħ irrapportajna li żewġ Rumeni nżammu arrestati fuq akkużi ta’ pickpocketing wara li serqu minn but mara minn Ħal Qormi.
F’nofs dan ix-xahar, anzjana ta’ 79 sena ħadet il-qatgħa ta’ ħajjitha meta kienet qiegħda tfittex iċ-ċavetta minn ġol-basket, fi Vjal De La Cruz. Raġel mgħammad u liebes l-iswed resaq lejha u ħatfilha ġiżrana minn għonqha.
Kull min għandu xi informazzjoni huwa mitlub jgħaddiha lill-Pulizija.
Kien hemm min irrikorra għal Facebook b’ritratti li jidhru li huma minn camera CCTV.