Tliet niċeċ fit-toroq ta’ Ħal Luqa ġew irrestawrati u msebbħa b’fondi li tħallsu lil-LESA għal ċitazzjonijiet maħruġa. B’hekk dawn il-flus qed imorru lura lill-komunità u jiġu investiti lura fl-ibliet u l-irħula Maltin. In-niċeċ mhux biss kienu rranġati iżda nżebgħu b’kuluri bbażati fuq l-ilwien antiki li kellhom fl-imgħoddi.
Waqt żjara li għamel f’Ħal Luqa, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri stqarr kif filwaqt li l-infurzar tal-liġi huwa importanti biex tkun protetta s-soċjetà, mijiet ta’ eluf ta’ ewro qed iservu ta’ ġid.
Huwa stqarr: “Meta jaqla’ xi ċitazzjoni ħadd ma jieħu gost imma bħala Gvern iddeċidejna illi jiddaħlu minn dawk iċ-ċitazzjonijiet wara li jinqatgħu l-ispejjeż jiġu investiti lura fil-komunitajiet tagħna u għaldaqstant flimkien mal-aġenzija LESA u diversi Kunsilli Lokali investejna propju fil-lokalitajiet tagħna, kemm proġetti ambjentali, kemm proġetti infrastrutturali, kemm proġetti ta’ restawr, sportivi, u anke ta’ spazji miftuħa.”
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa, John Schembri spjega kif dawn l-inizjattivi jgħinu lill-Kunsill Lokali sabiex ikompli jinvesti u jsebbaħ ir-raħal tiegħu.
Huwa qal, “Inizjattivi ta’ din ix-xorta jirriflettu ferm tajjeb fuq l-andament tal-Kunsill illi permezz tagħhom il-lokal tagħna, illi għandna dan il-patrimonju kulturali, jibqa’ jiġi mħares għal biex ikompli jitgawda mir-residenti ta’ Ħal Luqa.”
Fost il-proġetti li ser ikunu qed isiru permezz ta’ din l-inizjattiva hemm investiment ġo faċilitajiet sportivi, spazji miftuħa u restawr.
Ritratti: MHSE