Is-sena li ġejja 2019, il-komunità parrokkjali ta’ Ħal Balzan se tikkommemora żewġ anniversarji sinifikattivi ħafna fl-istorja tagħha. F’Marzu Ħal Balzan se jfakkar għeluq il-150 sena mill-wasla u l-inawgurazzjoni tal-vara titulari ta’ Marija Annunzjata, u f’Diċembru se ssir it-tifkira tat-350 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali.
Il-vara titulari tal-Lunzjata, xogħol fl-injam ta’ Mastru Salvatore Dimech, waslet Ħal Balzan mill-Imdina, fejn ġiet żgraffjata u indurata, nhar il-Ħadd, 28 ta’ Marzu 1869, li kien l-Għid il-Kbir. Biex jitfakkar dan l-anniversarju, is-sena d-dieħla, il-vara tal-Lunzjata se toħroġ f’pellegrinaġġ, devot u ċelebrattiv, nhar il-Ħadd, 24 ta’ Marzu. Il-pellegrinaġġ, bis-sehem taż-żewġ baned ta’ Ħal Balzan, se jibda mill-knisja parrokkjali fid-9.30 am u jerġa’ lura fil-11.30 am. Minbarra r-reffiegħa Balzanin li jieħdu ħsieb jerfgħu l-vara fil-festa tagħha f’Lulju, il-parroċċa qed tistieden reffiegħa minn parroċċi oħra sabiex jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ anke billi jerfgħu fil-vara tul il-pellegrinaġġ.
L-għada, it-Tnejn 25 ta’ Marzu, jum is-Sollennità tat-Tħabbira tal-Mulej, Mons. Isqof Joseph Galea-Curmi, Vigarju Ġenerali, se jmexxi konċelebrazzjoni pontifikali, akkumpanjat mill-kor u l-orkestra, fil-knisja parrokkjali fis-6.30 pm.
Tul dawn il-jiem se jkun għall-bejgħ ktieb dokumentat dwar l-istorja, l-arti, u d-devozzjoni lejn l-Annunzjata f’din il-parroċċa, li se jkun ippubblikat sewwasew għal dan l-anniversarju.
It-tieni anniversarju – it-350 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali – se jitfakkar lejn tmiem is-sena. L-ewwel ġebla ta’ dan it-tempju, iddedikat lil Marija Annunzjata, tqiegħdet nhar il-Ħamis, 26 ta’ Diċembru 1669. Huwa xieraq li jkun ikkommemorat dan l-anniversarju billi l-knisja parrokkjali hija d-dar fejn tiltaqa’ l-komunità sabiex tqim u tfaħħar lil Alla, permezz ta’ Marija, bit-talb u l-Ewkaristija. Il-knisja hija mhux biss l-aqwa xhieda tat-twemmin Nisrani tal-poplu Balzani tul is-snin, imma wkoll il-wirt l-aktar prezzjuż imħolli mill-antenati ta’ dan ir-raħal.