“Ta’ kuljum din li nagħmel il-ġbejniet. Dan hu xogħli. Ta’ 8 snin diġà naħleb in-nagħaġ u nagħmel il-ġbejniet.” Hekk sostniet Grace tal-Pespus ma’ The People of Malta.
Spjegat kif ħajjitha għexitha fir-raba’ u mal-bhejjem u kif rimors m’għandiex.
Grace qalet kif ir-raġuni hi għax ħadd ma jikmandaha u m’għandiex imgħallmin fuqha.
Hi spjegat il-proċess fejn qalet, “Wara li r-raġel jaħleb in-nagħaġ, insaffih u mbagħad nitfa’ naqra renit biex jgħaqqad. Inħallih joqgħod u mbagħad nibda nitfagħhom fil-qaleb. Nagħmel xi sittax-il tużżana. Qabel kont nagħmel ħafna iktar. Illum sirt ngħajja u ma rridx naħdem iktar. Dawn jibqgħu fil-qaleb għal 24 siegħa u l-għada nbigħuhom. Friski ma hawnx itjeb minnhom! Meta mbagħad jifdal iż-żejda, innixxifhom.”
Temmet tgħid kif dawn tagħmilhom mas-soppa, minestra u timla l-kannelloni. Qalet, “Jiġu tajbin anke għat-torti, nimla l-injokki u ma’ xi borma stew.”