Tifkiriet irrakkuntati b’entużjażmu minn anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul, jinsabu miġbura fi ktieb li ġie mniedi l-Ġimgħa filgħaxija.
‘Memorji minn San Vinċenz de Paul’ iħaddan fih ġabra ta’ intervisti li l-Professur Raymond Mangion għamel ma’ għadd ta’ anzjani, li jirrakkuntaw b’mod ħlejju l-esperjenzi tagħhom dwar il-mod kif kienet il-ħajja tal-Maltin fl-aħħar mitt sena.
Il-moħħ wara din il-pubblikazzjoni spjegalna kif l-ewwel volum tal-ktieb storiku ‘Memorji minn San Vinċenz de Paul’ iħaddan fih diversi temi kif għexuhom in-nies.
Dawn joffru minjiera ta’ informazzjoni, li tinkludi fost oħrajn dwar l-għodod, bċejjeċ tal-baħar, il-mobilja fid-dar, il-mezzi tat-telekomunikazzjoni li daħlu fi djar u saħansitra wkoll kif żviluppat id-dar Maltija wara l-gwerra.
Il-Professur Mangion stqarr, ‘Għax inti jekk għandek ħamsin personaġġ, għandek ħamsin tema, kulħadd għandu s-sengħa tiegħu, kulħadd għandu l-professjoni tiegħu, kulħadd kellu t-talenti tiegħu. Allura int għandek għaġna ta’ tagħrif kemm storiku u kronoloġiku u kemm tagħrif li għexu l-esperjenzi diretti ta’ bosta nies li jgħiduhomlok huma biss. Dawn meta tinsieġhom, toħroġ ġrajjiet pajjiżna, kif baqgħu konservati fl-imħuħ tal-Maltin u l-Għawdxin matul il-medda taż-żmie, li jibda minn ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.’