Ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Persons with Disability and Active Ageing u Esplora, biex anzjani u persuni b’diżabilità jgawdu minn programm addattat.
Esplora huwa ċentru ġdid ta’ xjenza interattiva fil-kumpless ta’ Villa Bighi fil-Kalkara. Il-ftehim huwa mmirat għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità. Membri taċ-ċentri għal matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport u membri tal-life-long learning hubs taħt id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkunu jistgħu jipparteċipaw fi programm apposta, li jismu ‘Ħajja mimlija kurżità, Esplora – mhix tgħat tfal biss‘.
Madwar 45 persuna bħalissa qiegħdin jiskopru x’hemm f’Esplora. Hawn ġie żgurat li hemm aċċessibilità massima, infatti għalhekk qiegħdin iżuruh persuni b’diżabilità u anzjani qabel jiftaħ uffiċjalment aktar tard dan ix-xahar.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li l-ftehim jorbot ma’ valur ewlieni: l-aċċessibilità, cioe li kulħadd jilħaq l-għanijiet u bżonnijiet mingħajr xkiel. Il-ftehim jorbot ukoll mal-kunċett li t-tagħlim huwa dritt fundamentali tal-bniedem – irrspettivament mill-abilitajiet tiegħu.