Bi proġett ambizzjuż fil-Palazz Huaqing fiċ-Ċina, inbidel il-mudell tat-turiżmu f’Xi’an u fetaħ orizzonti ġodda ta’ żvilupp għall-industrija tat-turiżmu kulturali ġewwa l-provinċja ta’ Shaanxi.
Waqt żjara reċenti minn delegazzjoni ta’ Xi’an mill-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Xi’an, Yao Xinyuan, espert rinomat li bħalissa qed iservi bħala Chairman ta’ Shaanxi Huaqing Palace Culture and Tourism Co. Ltd., ippreżenta taħdita kulturali dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali fiċ-Ċina, fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta u spjega kif fl-2007, huma ħarġu bi pjan biex jindirizzaw it-tnaqqis konsiderevoli ta’ turisti f’dan is-sit u jittrasformawh f’attrazzjoni popolari li tiġġenera profitt kbir.
Sadanittant, żdiedu wkoll aktar attrazzjonijiet kulturali madwar il-palazz b’temi relatati mad-Dinastija Tang, fosthom: il-Ġnien tal-Palazz Tang, il-Ġnien tan-Nixxiegħa Imperjali, il-Ġnien tal-Opra Tradizzjonali Ċiniża, il-Ġnien Ipprojbit, il-Ġnien tat-Taoiżmu, il-Ġnien Buddista, il-Ġnien Ċelestjali u l-Ġnien tal-Gwardja Imperjali.
Wara din ir-riġenerazzjoni tas-sit, id-dħul tal-Palazz ta’ Huaqing żdied minn 80 miljun wan (madwar €10,145,000) fl-2008, għal aktar minn 760 miljun wan (madwar €96,399,000) fl-2019. Din il-kisba notevoli wasslet ukoll għall-iżvilupp ta’ lukandi lokali, trasport, servizzi tal-kejtering u industriji terzjarji oħra, b’kontribuzzjoni ta’ aktar minn 650 miljun wan (madwar €82,454,000) għall-finanzi lokali.
Wara l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19, is-sit tal-Palazz Huaqing kompla jimxi ‘l quddiem meta bħala strateġija ħareġ b’verżjoni ġdida tal-ispettaklu tan-nar u s-silġ li ġibdet it-turisti lejn is-sit anke fl-istaġun tax-xitwa. Din l-innovazzjoni bidlet il-mudell tal-industrija u l-limitazzjonijiet staġjonali, u kkontribwiet għall-estensjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-katina tal-industrija artistika. F’inqas minn perjodu ta’ tliet xhur fl-2022, intwerew aktar minn 130 prestazzjoni lil udjenza ta’ aktar minn 300,000 u dawn iġġeneraw dħul ta’ 70 miljun wan (madwar €82,454,000).
Riżultati bħal dawn irnexxielhom jinkisbu permezz tal-interazzjoni għaqlija bejn l-ekonomija tat-turiżmu, il-kreattività kulturali, il-wirt storiku, u l-iżvilupp innovattiv. Dan wassal għal avvanz fis-suq tat-turiżmu kulturali ta’ Shaanxi, li biddel il-mudell tat-turiżmu f’Xi’an li kien ilu jeżisti għal għexieren ta’ snin.
Il-Palazz Huaqing huwa monument uniku ġewwa Shaanxi. Fl-1982, is-sit ġie approvat mill-Kunsill tal-Istat bħala parti mill-ewwel grupp ta’ siti magħżula li jgawdu xenarji mill-iprem. Aktar tard fl-2001, il-Palazz Huaqing ġie kklassifikat bħala park nazzjonali tal-foresti mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Forestrija, filwaqt li fl-2009, dan is-sit ġie vvalutat bħala wieħed mill-postijiet b’xenarju ewlieni ta’ Qinling Zhongnanshan Geopark mill-UNESCO.
Is-sit ta’ dan il-palazz jinsab f’riġlejn il-muntanja Lishan. Mogħni b’nixxiegħat naturali ta’ ilma sħun u b’ambjent li jsaħħrek, sekli ilu, il-post ma damx ma ġibed l-attenzjoni tal-imperaturi taċ-Ċina li bdew jużawh bħala lok ta’ divertiment.
Jingħad li l-palazz oriġinali nbena mir-Re You matul id-Dinastija Zhou tal-Punent (11-il seklu QK sas-771 QK). Matul is-snin, saru diversi tibdiliet fis-sit minn imperaturi differenti. Madankollu, uħud mill-aktar bidliet radikali seħħew fi żmien ir-renju tal-Imperatur Xuanzong tad-Dinastija Tang (618 WK sa 907 WK). Fil-fatt, dan l-imperatur nefaq ammonti kbar ta’ flus biex is-sit jiġi żviluppat f’palazz imperjali lussuż fejn huwa seta’ jmur jirrilassa fl-istaġun kiesaħ tax-xitwa, b’ġonna mill-ifjen b’nixxiegħat naturali ta’ ilma sħun, u b’diversi pixxini għall-għawm. Kien Xuanzong li bidel l-isem ta’ dan is-sit għall-Palazz ta’ Huaqing. Matul ir-renju tiegħu li dam 44 sena, huwa żar dan il-post aktar minn 36 darba, sitwazzjoni li eventwalment wasslet għal ribelljoni fuq skala sħiħa! Waqt din ir-rewwixta, diversi partijiet mill-palazz oriġinali ġarrbu ħsarat kbar, tant li bosta mill-istrutturi li naraw illum inbnew mill-ġdid matul id-Dinastija Qing (1644 – 1912) jew wara l-1949.
Hemm biss distanza ta’ 10 kilometri bejn il-Palazz Huaqing u s-sit tas-Suldati tat-Terrakotta. Iżda filwaqt li dan tal-aħħar baqa’ dejjem imfittex mit-turisti, wara r-riforma u l-ftuħ taċ-Ċina, il-Palazz Huaqing sofra minn tnaqqis konsiderevoli fit-turisti. Kien ċar li s-sit ma kienx qed jissodisfa l-aspettativi moderni tat-turisti li kienu qed iżuru ċ-Ċina.
Fl-2007, dan is-sit storiku, l-istorja twila tiegħu u l-pajsaġġ kulturali uniku li jħaddan ġew studjati u esplorati bir-reqqa minn Shaanxi Huaqing Palace Culture and Tourism Co. Ltd. sabiex joħorġu bi pjan li seta’ jattira t-turisti mill-ġdid lejn dal-post. Eventwalment, ġie deċiż li jinkorporaw dawn it-tliet karatteristiċi flimkien ma’ attrazzjoni oriġinali – l-ewwel drama storika ta’ żfin fuq skala ferm kbira fiċ-Ċina.
Din id-drama b’tul ta’ siegħa, evolviet mill-ġrajja ta’ mħabba li seħħet tassew fil-Palazz Huaqing bejn l-Imperatur Xuanzong u l-konkubina tiegħu Yang Guifei, li oriġinarjament kienet il-mara ta’ ibnu. Magħrufa għall-ġmiel kbir tagħha, l-imperatur ma damx ma tilef għaqlu warajha u beda jagħtiha dak kollu li kienet titolbu. Kienet l-hena tiegħu li jqatta’ l-ħin magħha f’dan il-palazz u tant kien ossessjonat biha, li beda jinjora d-dmirijiet imperjali tiegħu. Din is-sitwazzjoni wasslet għal rewwixta qalila li finalment neħħiet l-imperatur mill-pożizzjoni rjali tiegħu u saħansita ġie mġiegħel joqtol lis-sieħba tiegħu. Hu baqa’ qatt ma rkupra wara mewtha.
Din l-istorja ta’ mħabba magħrufa bħala ‘Romeo u Ġuljetta’ taċ-Ċina ġiet immortalizzata mill-poeta Ċiniż Bai Juyi fil-poeżija narrattiva tiegħu ‘Song of Everlasting Sorrow’. Kemm l-isem tal-ispettaklu u kif ukoll il-ġrajja tad-drama ġew ibbażati fuq dil-poeżija tant maħbuba mill-poplu Ċiniż. Intagħżlu madwar 300 attur professjonali biex jagħtu l-ħajja lil din l-istorja, filwaqt li l-palk inbena fuq l-Għadira Jiulong bil-Muntanja Lishan fl-isfond, proprju fejn seħħet din il-ġrajja traġika. Peress li l-palk tpoġġa qrib l-udjenza, dawn ingħataw l-opportunità biex jintegraw mal-atturi u jħossuhom parti min-narrattiva. Barra minn hekk, tagħmir għall-effetti speċjali tad-dawl, l-akbar skrin LED fl-Asja, flimkien ma’ siġġijiet ritrattabbli moħbija taħt l-art, żiedu l-fattur uniku ta’ din l-esperjenza.
Yao Xinyuan qal li huwa meħtieġ għal Xi’an kif ukoll għal bliet storiċi u kulturali famużi oħra fiċ-Ċina u f’pajjiżi oħra, biex joħorġu b’ideat dwar kif jistgħu jagħtu ħajja lill-istorja ‘siekta’ biex jilħqu mal-aspettativi għolja tat-turisti tal-lum.