Erbat ijiem qabel l-ISTRINA, il-ġenituri ta’ Amber, ċkejkna li llum qed tgħix grazzi għall-għajnuna li tawha il-Community Chest Fund, kellhom appell imqanqal għal poplu Malti u Għawdxi. Appell biex jagħtu l-opportunità lil ġenituri bħalhom igawdu lill-uliedhom.
Ċkejkna li b’differenza għal tfal oħra bħalha, sa minn età żgħira bdiet taffaċċja l-battalji diffiċli tal-ħajja. Dan hekk kif Amber li hija down sydrome fl-aħħar xhur kellha kumplikazzjonijiet f’qalbha.
Kumplikazzjonijiet li wasslu biex fl-ewwel xhur ta’ ħajjitha, iċ-ċkejkna Amber kellha tgħaddi minn operazzjoni serja u diffiċli f’qalbha. Din l-operazzjoni saritilha ‘l bogħod minn darha, fi Sptar fl-Ingilterra. Missier Amber, li matul dan iż-żmien diffiċli kien qed iżomm id it-tifla tiegħu, spjegalna dak li għaddiet minnu bintu.
Lawrence Mangion, missier Amber, spjega li bħal missirijiet oħra, kien qed jistenna b’ħerqa biex għall-ewwel darba iżomm lil bintu f’idejh u stqarr li din l-aħbar kienet ta’ xokk mhux biss għalih iżda għal familja kollha. Missier Amber tenna li d-distanza għamlet din l-operazzjoni aktar diffiċli, għaliex din il-familja kienet ‘il bogħod mis-sostenn tal-qraba u tal-ħbieb.
Minkejja li l-għajnuna mill-qraba u l-ħbieb kienet kruċjali għal din il-familja, is-sapport u l-għajnuna finanzjarja tal-Malta Community Chest Fund kienet essenzjali. Mangion spjega li setgħu jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-bżonnijiet ta’ binthom.
Bis-saħħa tad-donazzjonijiet tal-poplu Malti u tas-sapport tal-Community Chest Fund, Amber għamlet operazzjoni f’ qalbha li kienet twila seba sigħat, operazzjoni li kienet suċċess biex illum Amber qed tikber u tistà tkompli bil-ħajja normali tagħha.
Missierha spjega li l-Community Chest Fund kienu magħhom f’ kull pass li għamlu u poġġew dejjem il-prioritajiet ta’ Amber fuq quddiem.
Id-destin huwa mistur, u meta din il-familja nhar l-Istrina kienet qed tagħti d-donazzjoni tagħha mill-qalb, qatt ma kienet tobsor li dawn il-flus kienet ser tibbenefika minnhom binthom stess.