Bħal kull sena u kif ilu jsir sa mill-1975, sena biss wara li Malta saret Repubblika, pajjiżna ta ġieħ pubbliku lil ċittadini Maltin li ddistingwew ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja u li l-kontribut u l-kisbiet tagħhom kabbru l-ġid u r-risq ġenerali liċ-ċittadini Maltin.
L-unuri f’Jum ir-Repubblika bil-ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu u fix-Xirka u l-għoti tal-midalji tar-Repubblika jsiru mill-President fuq il-parir tal-Prim Ministru waqt iċ-Ċerimonja ta’ Investitura li ssir kull sena f’din il-festa nazzjonali.
Fost dawk li llum kienu onorati bil-midalja għall-Qadi tar-Repubblika nsibu lill-Arċisqof Emeritu George Frendo. F’kumment li ta lil ONE News qal li x-xogħol li għamel ’il bogħod minn pajjiżna, bħala Missjunarju kien rikonoxxut.
Qal, “Jien kelli okkażjoni, nirringrazzja lil Alla, li kelli opportunità hemmhekk naħdem fost il-fqar speċjalment waqt il-gwerra tal-Kosovo, anki kienu ġew xi Maltin jaħdmu magħna fuq bażi voluntiera u anki d-djalogu inter-reliġjuż. Kont strumentali biex twaqqaf il-Kunsill Inter-reliġjuz fl-Albanija.”
Fost dawk li ngħataw il-midalja għall-Qadi tar-Repubblika wara mewthom insibu lil Karl Gouder, lil Jake Vella u lil Lorenzo Vella.
Emozzjonata, bi kburija u sogħbiena fl-istess waqt, ONE News tkellem ukoll mal-armla ta’ Lorenzo Vella, Cheryl Micallef-Borg li qaltilna xi jfisser għaliha u qrabatha dan l-unur.
Stqarret, “Ħaġa sabiħa l-fatt li l-ħidma kollha, is-sigħat, is-sagrifiċċji li għamilna bħala familja huma rikonoxxuti… u l-amur propju, il-lealtà, il-qalb kollha li kellu għall-pajjiżu u għall-poplu Malti… tfisser ħafna u naħseb għal uliedna fil-futur ħa tfisser ħaġa ikbar ukoll.”
Aqra wkoll: