Id-diska tal-kantant u rapper Tommy Cash li se tkun qed tirrappreżenta lill-Estonja fl-edizzjoni tal-ġimgħa d-dieħla tal-Eurovision, ‘Espresso Macchiato’ qajmet kontroversja kbira speċjalment fost it-Taljani.
Meta tniżżlet fil-lista tal-parteċipanti, kien hemm min daħaq u oħrajn irrabjaw hekk kif bil-mod teatrali tiegħu u b’aċċent imkisser Taljan jelenka sterjotipi Taljani.
Saħansitra kien hemm xi Taljani li anke talbu sabiex din id-diska ma titħalliex tikkompeti.
Minkejja li mhux l-ewwel darba li fil-Eurovision kien hemm diski ta’ dan it-tip però wisq probabbli din hija l-ewwel parodija fuq nazzjon ieħor li qed jikkompeti.
Din mhux l-ewwel darba li Tommy Cash ħareġ diski ta’ dan it-tip fuq pajjiżi oħra barra li apparti bil-mużika spiss imur virali b’ritratti mitfugħa fuq il-mezzi soċjali.
Huwa sostna li d-diska ‘Espresso Macchiato’ kienet riżultat tal-ħafna vjaġġi li jagħmel fl-Italja fejn ġeneralment jirrikordja d-diski tiegħu u kienet frażi li weħlet f’moħħu u għalhekk ifformola diska.
Jidher li din id-diska tħobbha jew tobgħodha u mhux kulħadd ħadha bl-istess sentiment iżda li hu żgur li anke jekk ma jirbaħx, żgur li mhux se tkun waħda minn dawk id-diski li tmut l-għada tal-Eurovision.
‘Espresso Macchiato’ se tkun l-ewwel diska li se tinstema’ fl-ewwel semi finali nhar it-Tlieta. Infakkru li d-diska ta’ Miriana Conte ‘Serving’ li se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision se tkun qed tinstema fil-pożizzjoni ta’ qabel tal-aħħar fit-tieni semi finali nhar il-Ħamis.