Wara li persuna tkun instabet pożittiva għall-Coronavirus, jiskatta proċess metikoluż ta’ intraċċar tal-kuntatti li jkollha dik il-persuna partikolari.
Il-proċess huwa dipendenti ħafna fuq l-onestà tal-persuna infettata. Il-konsulent tas-Saħħa Pubblika, Dr.Tanya Melillo, spjegat kif il-biċċa l-kbira tal-persuni infettati qed jikkoperaw sabiex jinstabu l-persuni kollha li kienu f’kuntatt magħhom u li setgħu kienu f’riskju li jieħdu l-virus.
Dr. Mellilo stqarret li meta persuna tinstab pożittiva hija tiġi kkuntatjatha u tibda tiġi mistqosija numru ta’ mistoqsijiet li biha jibdew jiġu identifikati l-iktar persuni li kellhom kuntatt mal-persuna pożittiva għall-virus.
“Meta ċċempel lil xi ħadd u tgħidlu li hu pożittiv, dak il-ħin dan anke l-ewwel nett ikun ftit xokk, jibda jinfixel ftit, jiġifieri ħafna drabi rridu nagħtuhom ċans jassimulaw l-informazzjoni li tajnihom u imbgħad inkunu nistgħu nsaqsuhom mistoqsijiet. Ġieli ntuhom ċans, imbgħad nergħu inċemplu ftit wara.” Stqarret Dr. Mellilo.
Hija spjegat kif meta jibdew jirċievu l-informazzjoni, l-investigazzjoni tkompli billi jkunu avviċinati persuni qrib il-persuna infettata sabiex tkun ikkonfermata l-verżjoni tad-dettalja mogħtija.
Stqarret li l-analiżi tant tkun dettaljata, tant li jkollhom siegħa b’siegħa fejn kien il-persuna minn jumejn qabel bdew is-sintomi.
Hi spjegat, “Ittina d-dettalji ta’ min hu fuqu min hu in charge imbgħad naraw li l-istorja tiegħu taqbel mal-istorja li jgħidilna l-manager, naraw jekk l-ismijiet kollha ġibnihom. Inkunu rridu l-kuntatti ta’ kulħadd. Imbgħad ikun hemm il-contact team, ‘tracing team’ li huma jċemplu kull wieħed u waħda mill- pereżempju l-kollegi u jaraw jerġgħu jivverifikaw ix-xogħol li għamilna tagħna u naraw min ikun hemm bżonn imur ġo kwarantina.”
Filwaqt li appellat sabiex il-persuni kollha li jinsabu pożittivi ikunu onesti dwar fejn kienu u ma min iltaqgħu, hija spjegat li bosta persuni mhux talli jkunu onesti iżda talli jibqgħu f’kuntatt magħhom meta jiftakru dettalji ġodda.
“Nista’ ngħid li kulħadd kkopera magħna, ma nistax ngħid, iktar fil-bidu il-biża għaliex jgħidu kif ħadtha jien you know, jien ma mort imkien imma imbgħad dejjem jgħinu. Jibqgħu iċemplulna, “issa ftakart li kont rajt lil ġirien, bqajt nitkellem magħha minn fuq iċ-ċint.” Temmet tgħid.
Hija stqarret li t-tul tal-proċess tal-intraċċar tal-kuntatti jiddependi ħafna wkoll fuq il-post tax-xogħol li fih ikun jaħdem persun u ma kemm il-persuna jkun jaħdem il-persuna. Dan għaliex ir-riskju ta’ trażmissjoni ikun wieħed iktar għoli.